F’nofs Settembru li ġej, il-vara titulari ta’ San Gejtanu tal-Ħamrun se tittieħed f’Ruma, għall-pelegrinaġġ li jintemm fil-Bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan. B’din se tkun l-ewwel darba li vara artistika Maltija se tidħol fil-Bażilika tal-Vatikan.
Dan intqal fi stqarrija mill-Għaqda Mużikali San Gejtanu tal-Ħamrun, hekk kif din is-sena qed jiġi ċċelebrat il-ħames ċentinarju mit-twaqqif tal-Ordni tal-Kjeriċi Regolari, it-Teatini, li wieħed mill-fondaturi kien propju San Gejtanu.
Dan il-pelegrinaġġ imsemmi se jsir fl-14 ta’ Settembru li ġej, meta l-vara ta’ San Gejtanu se tittieħed mill-Bażilika ta’ San Andrea delle Valle għall-Bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan. Se takkumpanja dan il-pelegrinaġġ il-Banda San Gejtanu tal-Ħamrun.
Dan l-anniversarju qed jitfakkar kemm b’festi speċjali f’Malta, tul din is-sena u anki barra minn Malta, fosthom f’Ruma.
Il-festa ta’ San Gejtanu fil-Ħamrun bdiet ilbieraħ bil-ħruġ min-niċċa tal-istatwa devota u l-festa se tiġi ċċelebrata nhar il-Ħadd 11 ta’ Awwissu.