Il-jum tal-Ġimgħa l-Kbira hu assoċjat mar-riflessjonijiet iżda wkoll mal-purċissjonijiet.
Il-purċissjoni f’Raħal Ġdid taf il-bidu tagħha fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija wara l-waqfa li għamel r-Redentur tal-Isla f’din il-parroċċa li qanqlet fil-poplu Pawlist ix-xewqa li ssir statwa simili.
L-ewwel purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira f’Raħal Ġdid saret fl-elf disa’ mija ħamsa u erbgħin, hekk kif spiċċat it-Tieni Gwerra Dinjija.
Din kienet saret bl-istatwa tar-Redentur.
Sentejn wara, ma’ din l-istatwa, żdiedet l-istatwa tad-Duluri.
Il-Kappilan tal-parroċċa, Dun Marc Andrè Camilleri qal li maż-żmien, il-purċissjoni bdiet tieħu spinta kbira ’l quddiem fejn ingħata bidu għal sett ta’ statwi proviżorji maħduma minn Biagio Galea u Patri Amando Balluċi.
Dawn il-vari ntużaw darbtejn biss.
Il-Kappillan Camilleri tenna, “Il-vari li saru dak iż-żmien ma kinux bil-ħsieb li l-vari jibqgħu huma, imbagħad dak iż-żmien bdew jinbidlu biex isir is-sett sabiħ li għandna, u li għadna kif lestejna llum.”
Il-Kappilan spjega li din is-sena kienet sena speċjali ħafna għaliex din is-sena se tiżżanżan l-vara tar-redentur, li saret minn Michael u Adonai Camilleri Cauchi.
Huwa spjega magħna li l-vara l-antika tar-Redentur se tkun qed tibqa’ fil-Knisja u se tintuża għall-pelleġrinagg penitenzjali li jsir fiż-żmien ir-Randan.
Camilleri qal, “Fl-elfejn u dsatax, meta din l-istatwa ġiet ordnata u kompluta din is-sena, għax ovvjament bil-pandemija spiċċa ittardja kollox.”
Is-sett riċenti li issa huwa komplut jgħaqqad l-għaxar vari tal-passjoni li jinsabu madwar il-Bażilika ta’ Kristu Re.