Ilbieraħ filgħodu, 12-il mil ’l barra mill-Kosta Ingliża ta’ East Yorkshire, il-vapur tal-merkanzija Solong baqa’ dieħel fit-tanker taż-żejt Stena Immaculate li kien jinsab ankrat. Diversi splużjonijiet seħħew hekk kif it-tanker b’bandiera Amerikana kien qed iġorr 10 miljun gallun fjuwil għall-ajruplani tal-gwerra. Il-vapur Solong, b’bandiera Portugiża, kien qed iġorr 15-il container tal-kimika estremament tossika sodium cyanide.
Bid-daqqa infetħet toqba fit-tanker Stena Immaculate u hekk kif il-fjuwil beda ħiereġ fil-baħar iż-żewġ opri ħadu n-nar.
36 persuna twasslu l-art b’life rafts hekk kif skattat operazzjoni ta’ salvataġġ immedjata. Jidher li ħadd minn dawk miġjuba l-art ma kellu bżonn jittieħed l-isptar għajr għal persuna waħda iżda wieħed mill-erbatax-il membru tal-ekwipaġġ tal-vapur Solong għadu nieqes minkejja l-operazzjoni ta’ tfittxija li twettqet iżda li bħalissa tinsab sospiża.
Ħafna li assistew lill-persuni abbord sostnew li kien miraklu li ma mietux kollha hekk kif il-viżibilità kienet veru ħażina minħabba ċ-ċpar qawwi li kien hemm fl-akwati.
L-iStena Immaculate huwa wieħed minn 10 tankers li jfornu lill-militar Amerikan u huwa kkunsidrat bħala kritiku għas-sigurtà nazzjonali. Kelliem għall-White House irrifjuta li jikkonferma jekk dan kienx att ta’ sabotaġġ iżda qal li dan l-inċident ma kienx se jinterferixxi fl-operazzjonijiet militari. It-tanker kien jinsab ankrat barra minn Hull hekk kif kien wasal minn Agioi Theodoroi fil-Greċja. Sadanittant il-vapur Solong, li fih 460 pied, kien telaq minn Grangemouth fl-Iskozja u kien għaddej b’veloċità ta’ 18-il mil fis-siegħa.
Il-kimika sodium cyanide, li kienet qed tinġarr mill-vapur tal-merkanzija, tintuża għat-tindif tal-metall, kisi u fotografija fost oħrajn. Din il-kimika tirreaġixxi meta titħallat mal-ilma u tagħmel il-gass hydrogen cyanide iżda għadu mhux ċar kemm laħaq ħareġ fil-baħar.
Il-Greenpeace tal-Ingilterra qalet li l-iskala tad-diżastru jiddependi mill-ammont ta’ materjal imferrex, il-veloċità tal-azzjoni, it-temp u l-kundizzjonijiet tal-baħar.
Għall-kuntrarju taż-żejt mhux raffinat, il-fjuwil huwa klassifikat bħala żejt ħafif u jevapora malajr iżda xorta jista’ jeqred ħafna ħajja marina.
Il-kosta ta’ East Yorkshire hija waħda li tospita għasafar tal-baħar protetti bħal puffins, razorbills, gannets u kittwakes.