Vapur tal-merkanzija rreġistrat f’Malta ġie rrappurtat li nħataf skont rapport li għamlet il-kumpanija Brittanika tas-sigurtà Ambrey.
Il-ħtif, li ġie rrappurtat mill-midja internazzjonali seħħ fil-Baħar Għarbi biswit il-gżira tal-Jemen Socotra.
Jirriżulta li dgħajsa irreġistrata fl-Iran tfiet it-transponder tagħha sitt sigħat qabel seħħ l-inċident hekk kif kienet qed tbaħħar fil-viċininanzi u b’hekk waqqfet kull komunikazzjoni lil hinn minnha.
Sadanittant, fi stqarrija Transport Malta qalet li dan seħħ waqt li l-bastiment kien fi triqtu lejn it-Turkija u fuqu kien hemm abbord 18-il persuna mill-Bulgarija, l-Angola u l-Myanmar.
Intqal li s-sitwazzjoni qed tkun osservata mill-qrib mill-awtoritajiet Maltin u dawk internazzjonali.