Ħadd ma ndarab wara li vapur tal-Gozo Channel, l-MV Malita ħabat ġol-moll kawża tal-maltemp li bħalissa qed jolqot lil pajjiżna. Dan l-inċident tħabbar mill-Ministru għall-Għawdex Justyne Caruana waqt li kienet qed tindirizza l-Parlament fis-seduta tat-Tnejn.
Caruana sostniet li l-iskeda ma ġietx interrotta u l-Gozo Channel qed tagħmel ħilitha sabiex tevalwa l-ħsarat li ġarrab dan il-vapur kawża tad-daqqa mal-moll.
Il-Ministru Justyne Caruana stqarret: “Sfortunatament illum ġara wkoll inċident. Għadni nistenna il-full incident report, pero nista’ nikkonferma li vapur minnhom minħabba l-kundizzjonijiet tar-riħ baqa’ dieħel ġo wieħed mill-mollijiet, ġarrab ukoll diversi ħsarat, ma weġġa’ ħadd.”
Hija sostniet: “Però dawn huma affarijiet illi ma jidhirx li xi ħadd kellu kontroll fuqhom u naħseb li mhiex kwistjoni illi wieħed jallarma. Il-kumpanija ħa tkompli topera b’mod normali, jiġifieri ħa jkun hemm il-vapuri l-oħra li se jkunu qed jintużaw iktar frekwenti biex ilaħqu mat-timetable li kien hemm.”
Il-Ministru għal Għawdex temmet tgħid li “It-temp huwa dak li hu, ir-riħ huwa dak li hu u meta jiġru inċidenti bħal dawn wieħed ukoll ikun jista’ jifhem ir-realtajiet tagħna l-Għawdxin u għalhekk anki l-importanza tal-proġett tal-konnettività permanenti.”
Intant fi stqarrija il-kumpanija Gozo Channel qalet li l-Kumpanija Gozo Channel qed tħejji “Incident Report” u qed tagħmel l-investigazzjonijiet necessarji. Il-kumpanija tixtieq tagħraf lill-pubbliku li ser tkun qed topera fuq skeda speċjali biex takkomoda lill-klijenti tagħha sakemm l-MV. Malita issirlu t-tiswija neċessarja.
Il-kumpanija skużat ruħha għal kull inkonvinjent.