Fil-jum sinonimu man-nawfraġju ta’ San Pawl – għall-ħabta tas-sebgħa ta’ filgħodu – tanker ta’ għamla medja inkalja max-xatt ta’ FRA BEN.
Dan wara li t-tanker żviluppatlu ħsara teknika, li wasslet biex il-magni jiefqu jaħdmu, bis-sebà persuni abbord inqabdu f’baħar imqalleb ħafna kawża tar-riħ qawwi li laħaq qawwa ta’ riefnu.
L-ekwipaġġ tal-Protezzjoni Ċivili, l-volontiera tas-salib l-aħmar u żewġ timijiet mediċi mill-Isptar Mater Dei dlonk waslu fuq il-post biex jagħtu l-ewwel assistenza.
Dan flimkien mal-uffiċjali ta’ Transport Malta u l-Pulizija. Bil-persuni abbord tniżżlu minnufih minn fuq it-tanker u ngħataw kutri u ħwejjeġ biex iżommu sħan wara l-maltemp li sabu ruħhom fih.
Bil-Pulizija tal-imigrazzjoni, meta ġie stabbilit li l-persuni abbord ma kienu sofrew ebda ġrieħi, eskortawhom lejn l-għassa tal-Qawra hekk kif il-membri tal-ekwipaġġ huma kollha ta’ nazzjonalità barranija.
Kienu bosta li għal bidu ħasbu li din l-aħbar kienet ċajta, hekk kif mhux l-ewwel darba jew tnejn li xi wħud jiktbu fuq facebook li inkalja vapur kawża tal-maltemp b’referenza għan-nawfraġju ta’ San Pawl.
B’dan it-tanker, ironikament, inkalja mhux biss fil-jum li nfakkru lil San Pawl Nawfragu iżda propju fl-akwati ta’ San Pawl il-Baħar, fejn huwa maħsub li inkalja San Pawl.