Tliet baħrin ġew salvati mill-Forzi Armati ta’ Malta tlettax-il mil nawtiku l’barra minn Malta wara li bastiment irreġistrat it-Togo inqasam hekk kif beda dieħel l-ilma.
Is-sejħa għall-għajnuna għand il-Forzi Armati ta’ Malta daħlet ftit wara d-disgħa u nofs tal-Erbgħa filgħaxija hekk kif it-tanker Lady Sandra kien fil-grigal ta’ Malta.
Il-Forzi Armati skattat b’operazzjoni delikata ta’ salvataġġ f’baħar jibla’ l-art tant li l-mewġ beda jlaħħaq il-ħames metri.
Fil-fatt l-armata qalet li l-kundizzjonijiet kienu mill-aktar perikolużi u ta’ sogru għal ħaddiema tas-salvataġġ tal-armata.
Ir-riħ fil-baħar kien saħansitra b’qawwa ta’ forza tmienja għal disgħa.
L-operazzjoni ta’ salvataġġ saret permezz tal-patrol boat tal-Forzi Armati ta’ Malta Melita 1 u helikopter.
It-tliet baħrin salvati kienu żewġ Eġizzjani u Rumen.
Dawn il-persuni flimkien mal-membri l-oħra tal-ekwipaġġ iddaħħlu f’Xatt it-Tiben.
Fortunatament, ħadd ma kien jeħtieġ jiddaħħal l-isptar.
Il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri irringrazzja lill-ħaddiema tal-Forzi Armati ta’ Malta li wettqu operazzjoni biex jissalvaw il-ħajjiet b’mod differenti mis-soltu.