Ġie firmat ftehim bejn id-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità (AACC) u l-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala, fejn vann li kien għad-dispożizzjoni tal-kunsill se jgħaddi biex iservi bħala parti mis-servizz tas-Silver-T fir-reġjun.
B’hekk, għat-tliet snin li ġejjin, l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità se tuża dan il-vann biex jingħata servizz ta’ trasport, magħruf bħala Silver-T, skont il-bżonnijiet tal-anzjani li joqogħdu f’Marsaskala stess, fiż-Żejtun, Marsaxlokk, Birżebbuġa u Ħal Għaxaq, biex ikunu jistgħu jagħmlu l-qadi tagħhom.
Is-servizz tas-Silver-T jopera fuq livell nazzjonali, mit-Tnejn sal-Ġimgħa, mis-7:00 ta’ filgħodu sas-2:00 ta’ waranofsinhar u jipprovdi faċilità ta’ trasport lil dawk il-persuni anzjani li jixtiequ jmorru fiċ-Ċentri tas-Saħħa, fiċ-Ċentri tal-Anzjanità Attiva, fil-kunsilli lokali, il-bank, is-suq lokali u diversi postijiet oħrajn.
Il-Ministru għall-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela, qal li, permezz ta’ dan il-ftehim, se jkomplu jgħinu fil-ħajja ta’ kuljum lil numru ta’ anzjani li jgħixu fil-komunità.
Hu żied jgħid li din l-inizjattiva tkompli mal-viżjoni tal-Gvern li jkompli jtejjeb u jiffaċilita l-kwalità tal-ħajja għall-anzjani li għadhom jagħmlu parti mill-komunità.
“Vettura, li taħdem bl-elettriku, se tkun qed tingħaqad mal-flotta ta’ vetturi oħrajn tas-Silver-T biex toffri aktar mobilità lill-anzjani fil-komunitajiet tagħna,” tenna l-Ministru Abela.
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, qalet li hu d-dritt ta’ kull persuna li tgħix ħajja indipendenti u li dan is-servizz ta’ trasport se jagħti lill-anzjani aċċess għas-servizzi neċessarji ta’ kuljum.
Hi qalet li “l-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala akkwista vann biex jindirizza d-diffikultajiet u jagħmel il-ħajja tal-anzjani tagħna aħjar. Inħeġġeġ kunsilli lokali oħrajn biex jindirizzaw il-bżonnijiet tar-residenti tagħhom b’mod partikolari r-residenti anzjani tagħna.”