Wara li l-Kunsill Lokali ta’ Ħal Luqa, ingħata fondi bħala parti mill-kompetizzjoni annwali tal-Ġimgħa Ewropea għall-Mobilità, l-anzjani ta’ Ħal Luqa u Ħal Farruġ, se jkunu jistgħu jibbenefikaw minn vann tal-elettriku, li jwassalhom fil-postijiet fejn ikollhom bżonn imorru.
Dan tħabbar mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Chris Bonett u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, fil-preżenza tas-Sindku ta’ Ħal Luqa, John Schembri, u l-kunsilliera.
Il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Luqa ngħata għotja ta’ €50,000 minn Transport Malta biex iwettaq din l-inizjattiva, bħala parti mill-kompetizzjoni annwali tal-Ġimgħa Ewropea għall-Mobilità. L-għan tal-kompetizzjoni kien li tiffinanzja miżuri permanenti ta’ mobbiltà sostenibbli.
Il-Ministru Chris Bonett faħħar id-dedikazzjoni u l-viżjoni tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Luqa fl-implimentazzjoni ta’ din l-inizjattiva.
“Permezz tal-European Mobility Week. Ħareġ dan il-proġett, għall-Kunsill Lokali ta’ Ħal Luqa, li kien jagħmel ħafna sens. Ħa jkollok l-użu ta’ vettura elettrika. Ħa nnaqsu l-użu tal-karozzi u l-anzjani se jkunu jistgħu jużaw dan il-vann biex jagħmlu l-qadi tagħhom f’Ħal Luqa.”
Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli faħħret l-impenn tal-Kunsill li għaraf il-benefiċċju ta’ din il-kompetizzjoni għal-lokalità u r-residenti tiegħu.
“Il-Kunsilli Lokali, jibqgħu jkunu ta’ spalla u għajnuna għall-anzjani, u persuni vulnerabbli u issa anke l-Kunsilli Lokali, ta’ Ħal Luqa ingħaqad ma’ lokali oħra madwar Malta u Għawdex, li qegħdin joffru trasport b’xejn għall-anzjani u persuni vulnerabbli għall-qadi tagħhom ta’ kuljum.”
Is-Sindku ta’ Ħal Luqa John Schembri qal li dan is-servizz se jservi ta’ eżempju għal passi iktar sostenibbli f’komunitajiet oħra.