Erba’ nisa ttieħdu l-Isptar Mater Dei għal kura wara li l-vann, li kienu fih ħabat, f’vann ieħor fis-Siġġiewi u nqaleb.
L-aċċident seħħ illum għall-ħabta tas-sagħtejn u kwart ta’ waranofsinhar fir-Triq l-Imqabba, fis-Siġġiewi.
Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u, minn stħarriġ preliminari, irriżulta li kienet seħħet ħabta bejn vann tal-għamla Mercedes, misjuq minn raġel ta’ tmienja u ħamsin sena minn Ħal Għargħur, u vann ieħor tal-għamla Renault, misjuq minn raġel ta’ sitta u erbgħin sena minn San Ġwann.
Kawża tal-ħabta, il-vann Renault spiċċa nqaleb bl-erba’ passiġġieri b’kollox. Fuq il-post kien hemm ukoll membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u uffiċjali ta’ Transport Malta u l-LESA.