Fil-lokalità tal-Birgu ġie inawgurat vann tal-elettriku, bil-għan li jkun ta’ servizz għar-residenti tal-istess lokalità fil-qadi tagħhom ta’ kuljum. Dan il-vann inxtara permezz tal-iskema ta’ finanzjament favur proġetti kapitali u komunitajiet isbaħ u aktar b’saħħithom kif ukoll donazzjonijiet li nġabru mill-kunsill lokali stess.
Dan il-vann hu t-tieni wieħed għal-lokalità tal-Birgu u jista’ jġorr sa sitt passiġġieri u siġġu tar-roti f’daqqa. L-għan ewlieni hu biex tiżdied l-inklużjoni u l-aċċessibbiltà għal persuni anzjani u persuni vulnerabbli f’dan il-lokal.
Is-Sindku tal-Birgu, John Boxall, qal kif, fl-aħħar snin, il-Kunsill Lokali tal-Birgu ma ħasibx biss biex itejjeb l-infrastruttura tal-lokalità, iżda ra wkoll li jtejjeb is-servizzi li jagħti liċ-ċittadini tiegħu, b’dan l-investiment ikun xhieda ta’ dan.
Illum il-Kunsill Lokali tal-Birgu reġa’ ta prova li lill-anzjani fil-lokalità tiegħu tahom prijorità. U dan li konna qed nfittxu. Kellna leġiżlatura ta’ ħames snin għas-settur tal-anzjanità.
Is-Sindku tal-Birgu, John Boxall
Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, li qalet kif dan l-investiment hu parti minn investiment akbar li qed isir mill-Kunsilli biex jinxtraw vetturi bħal dawn għal dawk l-aktar fil-bżonn.
Kunsilli lokali li, aktar kemm qed jgħaddi żmien, aktar qed ikunu konxji u jinkludu l-anzjani fil-komunitajiet tagħna. Il-Gvern jibqa’ kommess b’mod finanzjarju lill-anzjani tal-kunsilli lokali biex ikun verament ta’ spalla u l-ewwel għajnuna għar-residenti kollha.
Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli