Reġgħet qed terfa rasha l-problema tal-vandaliżmu fis-Swieqi. Matul l-aħħar ġimgħat, ġie osservat ammont ta’ graffitti fuq ħitan, djar kif ukoll xtieli madwar is-Swieqi.
Il-minority leader tal-lokal Alex Chetcuti qal kif ġie vvandalizzat proġett ta’ tħaddir li sar riċentament.
Chetcuti spjega kif “Qed jisprayaw mal-ħitan u anka mal-planters li għamilna bħalissa bis-saħħa tal-Ministeru tal-Ambjent u l-Ministru Herrera li tana tletin elf biex nagħmlu planters fil-lokalità.”
Ġew ivvandalizzati wkoll xi karozzi – li fost oħrajn kellhom il-mirja mkissra. Tal-inqas żewġ rapporti saru lill-Pulizija, li min-naħa tagħha għaddejja bl-istharriġ tagħha.
F’każ minnhom ġew elevati l-filmati ta’ cameras fiż-żona installati mill-kunsill lokali, però l-filmati kienu inkonklussivi.
Qal li “Jidher li kien hemm żewġ rapporti biss, għalkemm kien hemm informazzjoni li kien hemm iktar ħsara. Sfortunatament kultant mhux kulħadd jirraporta. Dik hija l-ħasra għax li ma tirrapurtax tkun qed tagħmel nuqqas lejn il-lokalità.”
Is-Sur Chetcuti spjega li hemm allegazzjonijiet ta’ min jista’ jkun wara dan il-vandaliżmu.
Spjega kif “Qed jintqal li dawn l-isprays qed isiru mal-ħitan u mal-planters bħalhom San Pawl il-Baħar u li huma konnessi ma’ xi tim tal-futbol Serbjan.”
Is-Sur Chetcuti spjega kif minkejja l-għodod li hemm disponibbli sabiex tiġi miġġielda din il-problema, dejjem hemm bżonn ta’ iżjed riżorsi.
Qal li “Nixtieq li jkun hawn iktar għajnuna bħala sigurtà iktar kameras u forsi jkollna iktar sorveljanza mill-Pulizija.”