Valuri li tgħallimt u se nħaddan tul ħajti kollha.
Kliem Ansell Delia, żagħżugħ ta’ tlieta u għoxrin sena li bl-għajnuna tal-programmi li saru fil-komunità u sessjonijiet mill-għaqda ACTS, illum huwa adult stabbilit.
Ma’ dan l-istazzjon Ansell spjega li l-grupp li kien miegħu għenu mhux biss biex jifhem il-valuri li jħaddan, imma wkoll għall-mod kif iħares lejn is-soċjetà.
Qal, “L-iktar li kont nieħu pjaċir fih kienu l-interazzjonijiet li bnejt matul il-kors li bdejt nattendi u anke l-affarjiet li konna nagħmlu bħal attivitajiet u esperjenzi.”
Iż-żagħżugħ Bormliż qal ukoll li din l-għaqda għenitu jagħraf dak kollu li hemm madwaru.
Qal, “Inkun għaddej fit-triq u nara xi ħaġa, meta kont żgħir kont ngħid xi ħaġa bħall-oħrajn, forsi statwa. Ma kontx nagħti kas. Imma grazzi għall-grupp, meta kienu jeħduna outings, kienu jgħidluna eżempju li dik l-istatwa hija ta dak iż-żmien. Jien sirt nagħti kas iktar il-kultura ta’ madwari.”
L-ACTS taħdem ukoll mal-familji, l-individwi u l-komunitajiet biex jilħqu l-għanijiet soċjali u terapewtiċi tagħhom u għandha żewġ fergħat ewlenin prinċipalment servizzi komunitarji u Servizzi Terapewtiċi Ibbażati fid-Dar.
Dwar dan tkellima mal-persuna li tieħu ħsieb l-għaqda ACTS tal-Birgu.
Spjegat, “Għad għandna ħafna professjonijiet differenti fiha, ser nitkellem dwar il-parti tal-komunità, għadna ħaddiema soċjali, u ħaddiema li jgħinu fl-iżvilupp u mentors tal-komunità.”