Jumejn wara l-konfront fl-Istadjum Nazzjonali f’Ta’ Qali bejn Valletta u Birkirkara, l-istess żewġ timijiet kienu avversarji ta’ xulxin fil-kampjonat tal-futsal lokali.
B’attendenza numeruża fil-Padiljun Sportiv ta’ Kordin, iż-żewġ partitarji reġgħu attendew bi ħġarhom. Il-Beltin ħarġu rebbieħa fuq il-Karkariżi bl-iskor ta’ 5-1.
Għal Valletta idebutta l-plejer internazzjonali żagħżugħ Andrè Ciancio li akkwistaw mingħand Swieqi United. Ciancio fil-ftit minuti li lagħab kellu wirja tajba iżda jonqsu xi rtokki żgħar biex ikomplu jsib postu mat-tattika tal-kowċ Xavier Saliba.
Il-ħames gowls Beltin waslu b’tripletta ta’ Camilo Andre Vanegas Gomez u gowl kull wieħed għal Jovica Milijic u Gia Nikvashvilli. L-uniku gowl Karkariż wasal mingħand Glenn Bonello.
Luxol St. Andrews komplew iżidu wkoll rebħa oħra fir-rawnd tal-Elite meta għelbu lil Swieqi United bl-iskor ta’ 8-3. Luxol kellhom żewġ doppjetti ta’ Celino Alves u Giancarlo Sammut flimkien mal-gowls ta’ Matthew Attard, Maicon Silva, Zvezdan Vukovic u l-captain Mark Zammit lejlet għaluq snienu.
Il-gowls ta’ Swieqi United waslu mingħand Shawn Deguara li akkwistaw mingħand Valletta, Leonardo De Souza u Leo Muscat.
F’logħba oħra li kellna mir-rawnd tal-Elite, Tarxien Rainbows għelbu lit-tim tal-Università ta’ Malta bl-iskor ta’ 7-4.
Mill-Ewwel Diviżjoni kellna lil Luxol U19 li għelbui lil UM Futsal Academy bl-iskor ta’ 7-1 u Pietà Hotspurs għelbu lil Swieqi United U21 bl-iskor ta’ 7-2.