Valletta St Paul’s huma ċ-champions tal-Ewwel Diviżjoni tal-MAFA meta għelbu lil Valletta Stars St Dominic 4-1 fid-derby tal-kapitali Maltija. Is-St Paul’s kienu qed jitilfu din il-partita iżda għarfu jdawru l-iskor favurihom sabiex setgħu jiċċelebraw dan is-suċċess. Il-Beltin rebħu dan il-kampjonat ferm diffiċli fejn xejn inqas minn tliet timijiet kienu involuti fil-ġlieda għat-titlu. L-eroj tal-Beltin kien l-attakkant Brażiljan Elton da Silva li kien awtur ta’ tliet gowls hekk kif skorja b’Nikolay Filipov li żied ieħor għat-tim tiegħu. Klajdi Qose kien poġġa lil Valletta Stars St Dominic fil-vantaġġ wara biss sitt minuti.
Fi tmiem il-konfront il-viċi-president tal-MFA Adrian Casha ippreżenta t-tazza lill-captain ta’ Valletta St Paul’s Leandro Camilleri fil-preżenza tas-segretarju tal-MAFA David Abdilla. Referee kien Lorry Sammut.
San Ġiljan Saints dawru telfa f’rebħa meta għelbu lit-tim diġa’ relegat ta’ Senglea Gunners 4-3. Kienet logħba inkredibbli li apparti li pproduċiet seba’ gowls, rat lil San Ġiljan jiksbu rebħa drammatika fl-aħħar sekondi tal-logħba. Radu Vlase poġġa lil San Ġiljan minn fuq sabiex fit-tieni taqsima Nicolas Morantes skorja doppjetta f’temp ta’ ħames minuti bejn it-43 u t-48 minuta. Ousman Touray skorja t-tielet gowl għal Senglea u meta kollox kien jidher li l-logħba se tiġi mirbuħa mis-Sengleani, waslet ir-reazzjoni ta’ San Ġiljan li skorjaw tliet gowls minn Sam Whelan fit-62 minuta, Radu Vlase fil-71 minuta u Micheal Hennessy fit-73 minuta. Referee kien Milos Krstic.
Fit-tieni diviżjoni, Mqabba Albions kisbu l-promozzjoni għall-Ewwel Diviżjoni mingħajr ma lagħbu hekk kif fil-konfront bejn Attard Edex Kings u Ta’ Ġiorni Wanderers, kienu dawn tal-aħħar li kisbu rebħa ta’ 2-1. Peress li l-Imqabbin kellhom konfronti diretti aħjar minn Ta’ Ġiorni, kienu huma li kisbu l-promozzjoni għall-ogħla diviżjoni. Ta’ Ġiorni kienu motivati li joħorġu bir-rebħ minn din il-partita u marru minn fuq permezz ta’ Daniel Neeraj Bharwani fis-26 minuta bl-istess plejer jiskorja gowl ieħor 13-il minuta wara. Wilfred Kingson naqqas il-marġni tal-iskor għal Attard Edex Kings. Referee kien Peter Abela.
Verdett ieħor li ħareġ minn dan il-kampjonat kienet ir-relegazzjoni ta’ Buġibba Club de SWAT minkejja li ġew draw ta’ 0-0 kontra Żebbuġ Youngsters. Kienet logħba iddominata mid-difiżi li ftit taw ċans lill-attakkanti avversarji li jsibu triqithom għall-gowl. B’hekk Żebbuġ Youngsters temmew il-kampjonat it-tielet mill-aħħar fil-klassifika b’10 punti b’Buġibba li spiċċaw punt taħthom u għalhekk relegati. Referee kien Sillah Alhasana.
F’partita mill-kampjonat tat-tielet diviżjoni, Ħal Far Titans u Naxxar Victorians spiċċaw fi draw ta’ 1-1. Wara skor ta’ 0-0 sa tmiem l-ewwel taqsima, fit-tieni taqsima Ħal Far marru minn fuq permezz ta’ Colin Vella għalkemm waslet ir-reazzjoni ta’ Naxxar li ġabu l-iskor indaqs permezz ta’ Keith Zammit Tabona. Referee kien Jean Pierre Mifsud.
KLASSIFIKA – MAFA L-EWWEL DIVIŻJONI
Valletta St Paul’s 26, Marsa St Michael 25, Swieqi Braves 24, San Ġwann Pro Evolution Academy 22, San Ġiljan Saints 21, Balluta Barracudas 19, Senglea Gunners 11, Valletta Stars 4.
KLASSIFIKA – MAFA IT-TIENI DIVIŻJONI
Għaxaq Wolves 31, Mqabba Albions, Ta’ Ġiorni Wanderers, Attard Edex Kings 20 , Gudja Wanderers 14, Żebbuġ Youngsters 11, Buġibba Club de SWAT 10, Birkirkara St Joseph 1.
KLASSIFIKA – MAFA IT-TIELET DIVIŻJONI
Ħamrun Amateurs 25, Ħal Far Titans 20, Kalkara Flames 18, Naxxar Victorians 12, Mosta Vikings 0