Il-Fondazzjoni Valletta 2018 ħarġet id-dettalji għall-Valletta Pageant of the Seas, spettaklu uniku li se jsir fil-Port il-Kbir fis-7 ta’ Ġunju 2016.
Dan l-avveniment huwa parti mill-programm ta’ ċelebrazzjoni tal-Fondazzjoni Valletta 2018 fl-okkażjoni tal-450 anniversarju mit-twaqqif tal-Belt Valletta. Valletta Pageant of the Seas huwa festa mhux tas-soltu fuq il-baħar fil-Port il-Kbir; festa ta kuluri, xwieni, dgħajjes tar-regatta, power boats u jottijiet, għawm, tlielaq u bosta karrijiet tal-Karnival fost l-oħrajn, kollha fl-ambjent maestuż tal-Port il-Kbir. L-attivitajiet jibdew mis-sitta ta’ filgħaxija ’l quddiem.
Iċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef żied jgħid, “Il-Valletta Pageant of the Seas huwa spettaklu kbir bis-sehem ta’ mijiet ta’ nies ġejjin minn oqsma differenti fosthom għaqdiet sportivi, filantropiċi, kunsilli lokali, kif ukoll artisti lokali u internazzjonali. Dan l-ispettaklu għall-familja kollha, fis-7 ta’ Ġunju, festa pubblika, għandu jħalli marka oħra qawwija lejn il-vjaġġ tal-Fondazzjoni Valletta 2018 għas-sena tal-Kapitali Ewropea fl-2018”.
Iċ-Ċermen irringrazzja lill-voluntiera ta’ Valletta 2018 Tal-Kultura tax-xogħol siewi tagħhom biex il-Valletta Pageant of the Seas tkun ta’ suċċess kbir. Il-fuq minn mitejn voluntier applika biex ikun parti minn din l-esperjenza indimentikabbli.
Id-Direttur Artistiku ta’ Avvenimenti Speċjali tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Mario Philip Azzopardi qal, “Din hija opportunità għall-Maltin kollha biex jingħaqdu flimkien bħala nazzjon u jiftakru fl-istorja u l-kultura tagħhom filwaqt li jiċċelebraw il-preżent u l-ġejjieni wkoll. Din se tkun ċelebrazzjoni fejn tista’ tgawdi l-familja kollha.”
Il-Valletta Pageant of the Seas se tiftaħ bl-Għawma Toni Bajada, attività kbira ta’ għawm li tinvolvi mijiet ta’ nies. Dawn se jaqsmu bl-għawm mill-Forti ta’ Sant Anġlu fil-Birgu sal-Pixkerija f’Ta’ Liesse il-Belt Valletta. Dawk li huma interessati jipparteċipaw jistgħu jirreġistraw hawnhekk: http://ghawmatonibajada.puttinucares.org/, għal donazzjoni ta’ €10.
Se jsir ukoll spettaklu tar-regatta segwit minn tellieqa bid-dgħajjes fejn se naraw xi ħaġa mhux tas-soltu. Bosta gruppi minn madwar Malta u Għawdex se jipparteċipaw fit-Tellieqa Telliqun, fejn in-nies se joħolqu inġenji tal-baħar b’diversi materjali, inklużi oġġetti riċiklati, u jtellquhom fil-Port il-Kbir mingħajr l-użu ta’ muturi jew moqdief.
Il-qofol taċ-ċelebrazzjoni se jkun spettaklu ta’ dgħajjes tal-qlugħ akkumpanjati mill-Fernandes, li se jokkupa l-post ċentrali. Karrijiet tal-Karnival se jidhru għall-ewwel darba fil-Port il-Kbir waqt li l-karrijiet tal-Karnival rebbieħa fil-Karnival ta’ din is-sena se jsalpaw fil-Port il-Kbir. L-organizzaturi ta’ avvenimenti fil-beraħ u bbażati fir-Renju Unit, Walk the Plank, se jisirqu x-xena tal-lejla bi spettaklu tal-akrobazija u l-piroteknika.
Se jkun hemm xi gruppi mużikali wkoll li se jdoqqu għall-folol li se jattendu dan l-avveniment indirizzat lill-familja kollha ġewwa l-Belt Valletta.
Il-Valletta Pageant of the Seas qed jitella bl-appoġġ ta’ diversi msieħba tal-Fondazzjoni Valletta 2018 fosthom; il-Kunsill Malti għall-Arti, Captain Morgan Cruises, Yachting Malta, l-Forzi Armati ta’ Malta, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Transport Malta, Walk the Plank, il-Malta Film Commission u Heritage Malta.