Valletta bdew fuq sieq ħażina l-ewwel finali minn l-aqwa minn ħamsa tal-Play Offs tal-Elite hekk kif ġew megħluba minn Luxol bl-iskor ta’ 6-1.
It-tim minn St. Andrews mill-ewwel wera biċ-ċar l-intenzjonijiet tiegħu li jirbaħ din il-logħba. Vantaġġ doppju minn doppjetta ta’ Celino Alves u Emil Andrei Raducu minn fuq it-tieni penalty spot għamluhom 3-0 qabel il-mistrieħ.
Fil-bidu tat-tieni taqsima l-Beltin bdew fuq l-offensiva iżda Luxol ma damux ma reġgħu ħadu l-kontroll assolut u skurjaw tlieta oħra minn doppjetta ta’ Maicon Silva u gowl ta’ Mark Zammit.
Minuta mit-tmiem Valletta naqsu d-distakk permezz ta’ Jovica Milijic, wara li aktar qabel Camilo Gomez falla minn fuq it-tieni penalty spot.
Matul din il-ġimgħa kellna wkoll tliet Promotion Play Offs, bit-tim tal-Università ta’ Malta li lagħab darbtejn, fejn fl-ewwel logħba tilef kontra Tarxien Rainbows bl-iskor ta’ 6-4 u għeleb liċ-ċampjins tal-Ewwel Diviżjoni Pietà Hotspurs bl-iskor ta’ 6-5. Min-naħa tagħhom Pietà wkoll kellhom logħba oħra li fiha għelbu lit-tim ta’ taħt il-21 sena ta’ Swieqi United bl-iskor ta’ 5-2.