Valletta din il-ġimgħa irkupraw il-logħba nieqsa li kellhom fil-kampjonat, minħabba l-impenji li kellhom fil-UEFA Futsal Champions League, meta għelbu lit-tim ta’ taħt il-21 sena ta’ Swieqi United bl-iskor ta’ 10-1.
B’hekk il-Beltin jitilgħu waħedhom fil-quċċata b’27 punt segwiti minn Luxol li għandhom 24, Swieqi United 21, Birkirkara 18, it-tim tal-Istudenti tal-Università ta’ Malta 15 u Tarxien Rainbows 12-il punti. Imbagħad insibu lil Pietà Hotspurs li għandhom disa’ punti segwiti mill-UM Futsal Academy, it-tim ta’ taħt il-21 sena ta’ Swieqi United u t-tim ta’ taħt id-dsatax-il sena ta’ Luxol li għandhom tliet punti.
Mill-ġimgħa d-dieħla tibda t-tieni fażi tal-kampjonat b’dawn il-logħbiet:
It-Tnejn 17 ta’ Diċembru fil-Padiljun Sportiv ta’ Kordin fit-20:15 – Pietà Hotspurs vs UM Futsal Academy
L-Erbgħa 19 ta’ Diċembru fil-Padiljun tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport fit-20:30 – Luxol U19 vs Swieqi United U21
Intant mill-kompetizzjoni Knock Out kellna żewġ logħbiet fejn it-tim ta’ taħt id-dsatax il-sena ta’ Luxol għeleb lit-tim ta’ taħt il-21 sena ta’ Swieqi United bl-iskor ta’ 9-3, filwaqt li Pietà Hotspurs għelbu lil UM Futsal Academy bl-iskor ta’ 9-5.