Il-Belt Valletta, magħrufa min-nies tal-gżejjer Maltin bħala “Il-Belt” hi l-belt kapitali ta’ Malta. Il-Belt għandha popolazzjoni ta’ ’l fuq minn 6,000 ruħ u qiegħda fil-parti tal-Lvant ċentrali tal-gżira ta’ Malta.
Għalkemm il-Belt Valletta għandha karattru barokk insibu fiha wkoll elementi ta’ Manneriżmu, Neoklassiku u f’xi partijiet anke xejra ta’ arkitettura moderna. Il-Belt Valletta sofriet ħafna mill-attakki tat-Tieni Gwerra Dinjija u minkejja li dan iż-żmien ikrah fl-istorja tad-dinja ħalla ferita kbira fil-Belt, qatt ma tilfet il-karattru Barokk tagħha. Fl-1980 il-Belt Valletta ġiet kollha kemm hi rikonoxxuta mill-UNESCO bħala sit ta’ Patrimonju tal-Umanità. L-isem uffiċjali li l-Ordni ta’ San Ġwann ta lill-Belt kien Humilissima Civitas Valletta – “Il-Belt L-Aktar Umli ta’ Valletta”. Madanakollu, bil-bini ta’ swar u ta’ fortifikazzjonijiet, u flimkien mas-sbuħija tal-bini Barokk fit-toroq tagħha, din saret magħrufa iktar fost is-sovrani tal-Ewropa bħala Superbissima – “L-Aktar Kburija”.
L-ewwel ġebla tal-Belt Valletta tpoġġiet fit-28 ta’ Marzu 1566, mill-Gran Mastru tal-Ordni ta’ San Ġwann, Jean Parisot de la Valette. L-Ordni (li kienet ilha għal ħafna żmien tmexxi lill-gżejjer Maltin) ftit wara t-tmiem tal-Assedju l-Kbir tal-1565, iddeċidiet li tibni l-belt il-ġdida fil-peniżola ta’ Xiberras biex b’hekk ssaħħaħ il-pożizzjoni tal-Ordni f’Malta. Effettivament dan assigura l-permanenza tal-Kavallieri fuq il-gżira. L-arkitett li ddisinja l-pjanta tal-Belt kien Francesco Laparelli li ntbagħat Malta u tħallas mill-Papa Dumnikan, Piju V. Meta Laparelli ħalla l-Belt, xogħlu komplieh l-assistent tiegħu, il-Malti Ġlormu Cassar li pproġetta wkoll il-Konkatidral ta’ San Ġwann u parti mill-fortifikazzjonijiet. Fit-28 ta’ Marzu 1566, ġie varat il-bini tal-Belt il-ġdida, b’La Valette stess ipoġġi l-ewwel ġebla, fil-post fejn illum hemm il-knisja tal-Vitorja. Il-pjanta tal-belt kienet kemxejn ġdida għall-gżejjer Maltin, hekk kif waqt li l-bliet u l-irħula l-oħra Maltin kellhom toroq irregolari u sqaqien, il-belt il-ġdida kellha biss disinn rettangulari taħt forma ta’ gradilja, mingħajr ebda Collacchio, li kienet żona ristretta biss għal bini importanti. It-toroq kienu wiesgħa u dritti, b’dik tan-nofs li tibda minn Bieb il-Belt (Putirjal) u tispiċċa fil-Forti Sant’Iermu fuq in-naħa t’isfel tal-Belt. Sfortunatament, La Valette qatt ma ra din l-belt kompluta, għax miet fl-età ta’ 74 sena, fil-21 ta’ Awwissu 1568. Għalkemm kien ġie midfun fil-knisja tal-Vitorja, wara li nbena l-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-fdalijiet tiegħu tpoġġew fil-kripta l-ġdida t’hemmhekk. Is-sarkofagu tiegħu hu mdawwar b’dawk ta’ diversi Gran Mastri oħra. Wara l-Kavallieri u perjodu qasir ħafna taħt il-Franċiżi, il-wasla tal-Ingliżi rat għal darb’oħra lill-Belt Valletta tiffjorixxi bil-bini. Ħafna bini ġie mwaqqa’ u mibni għal darb’oħra, id-djar ġew imkabbrin u ġew installati proġetti ċiviċi. Madanakollu, kif aċċennajt qabel, il-Belt kollha u l-infrastruttura tagħha sofrew ħsarat kbar kawża tal-bombi li ntefgħu matul it-Tieni Gwerra Dinjija, fejn fost oħrajn iġġarraf it-Teatru Rjal li nbena fid-daħla tal-Belt fis-seklu 19. Illum il-ġurnata, il-Belt Valletta tilqa’ fiha għadd ta’ dipartimenti u ministeri governattivi, kif ukoll eluf ta’ ħaddiema minħabba l-konċentrazzjoni ta’ uffiċini u ħwienet li hemm. Il-peniżola tal-Belt hi mdawra minn żewġ portijiet naturali, dawk ta’ Marsamxett u l-Port il-Kbir li hu l-iktar port importanti ta’ Malta, bil-baċiri fil-Marsa li jservu biex tinħatt il-merkanzija. Il-Belt għandha wkoll diversi binjiet ta’ importanza storika, li fosthom żgur li jisboq kull binja oħra l-Konkatidral ta’ San Ġwann, magħruf qabel bħala l-Knisja Konventwali tal-Kavallieri ta’ Malta u l-vetrina tal-ikbar xogħol waħdieni ta’ Michelangelo Merisi da Caravaggio, l-uniku xogħol iffirmat tiegħu. L-istess katidral jikkonserva wkoll kollezzjoni imprezzabli ta’ arazzi tas-seklu sbatax.
Bini prominenti ieħor huwa dak tal-Berġa ta’ Kastilja, li qabel kienet issevi bħala d-dar tal-Kavallieri ta’ Malta li kienu provenjenti mill-komunità awtonoma ta’ Kastilja u León u fejn illum insibu l-uffiċċju tal-Prim Ministru ta’ Malta. Il-Palazz Maġisterjali, mibni bejn l-1571 u l-1574, li qabel kienet ir-residenza tal-Gran Mastru tal-Kavallieri ta’ Malta, illum jospita l-uffiċini tal-President ta’ Malta. Berġa oħra, magħrufa qabel bħala l-Berġa ta’ Provenza, hija dik fil-bidu ta’ Triq ir-Repubblika li llum tospita l-Mużew Nazzjonali tal-Arti. Palazz fuq stil rokokò li jmur lura għas-snin 1570, li serva bħala residenza uffiċjali tal-Kmandant tal-Flotta Mediterranja matul l-era Brittanika, mill-1789 ’il quddiem. It-Teatru Manoel, li kien inbena f’10 xhur biss fl-1731, b’ordni mill-Gran Mastru Antonio Manoel de Vilhena, u wieħed mill-eqdem teatri fl-Ewropa. Ma nistgħux ma nelenkawx bini storiku fil-Belt u ma nsemmux is-Sacra Infermeria, magħrufa llum bħala Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, mibnija fl-1574. Dan kien wieħed mill-aktar sptarijiet rinomati fl-Ewropa matul iż-żmien tal-Kavallieri ta’ Malta ftit passi ’l bogħod mill-fortifikazzjonijiet tal-Belt u l-Furjana, mibnija mill-Kavallieri bħala serje ta’ bastjuni u ravellini, b’għoli ta’ madwar 100 metru, iddisinjati biex jiddefenduha mill-attakki tal-għadu. Fid-disinn tal-Belt Valletta, ġiet żviluppata wkoll żona fejn in-nies li ma jistgħux iħallsu għal residenza tagħhom isibu fejn joqgħodu fil-ħitan tal-Belt. Fil-pjanijiet oriġinali, l-Ordni riedet qala magħmula mill-bnedmin biex tospita lill-qawwa navali, madanakollu, din ma tkomplietx, u b’hekk din iż-żona saret magħrufa bħala “Il-Mandraġġ”. Din ġiet f’idejn nies mingħajr saqaf u spiċċat b’diversi bini b’passaġġi mudlama u b’kundizzjonijiet sanitarji ħżiena. Il-Mandraġġ kien ġie mwaqqa’ parzjalment fis-snin 50 fi żmien il-Gvern Laburista ta’ Dom Mintoff, biex tinbena żona għad-djar fil-Belt Valleta. Din il-parti f’ċerta aspetti xorta baqgħet mhux rispettabbli għalkollox, minkejja li hi aħjar milli kif kienet qabel. Il-popolazzjoni tal-Belt Valletta naqset drastikament matul l-aħħar snin, u llum il-ġurnata l-kwota naqset għal madwar terz mill-perjodu bl-aktar popolazzjoni. Dan il-proċess aċċelera aktar wara t-Tieni Gwerra Dinjija hekk kif żvilupp ġdid fis-subborgi ra lill-popolazzjoni timxi ’l barra mill-belt kapitali, però l-Belt xorta baqgħet u għadha bħala ċ-ċentru amministrattiv u kummerċjali ta’ Malta.
Il-viżjoni ta’ La Valette
Meta ddisinjaw il-belt il-ġdida, għall-bidu din kienet maħsuba biex issaħħaħ l-infrastruttura ta’ difiża militari tal-Ordni wara r-rebħa mdemmija fuq l-attakki tal-Ottomani matul l-Assedju tal-1565. Iżda mbagħad il-viżjoni ta’ La Valette marret lil hinn minn sempliċiment fortifikazzjoni. Huwa xtaq belt li tkun ċentru Ewropew mill-aqwa ta’ kultura u kummerċ u, għalkemm huwa miet ftit qabel it-tlestija tagħha, il-Belt Valletta għaddiet biex isservi bħala l-belt kapitali sal-lum il-ġurnata, ħafna wara t-tluq tal-Kavallieri fl-1798, meta Napuljun ħataf il-gżira taħt idejh. Il-kompitu inizjali ta’ Laparelli, assistent ta’ Michaelangelo, li ntbagħat mill-Papa Piju V, kien li jistħarreġ u jħejji rapport dwar l-istat tal-fortifikazzjonijiet attwali tal-gżira wara l-Assedju. Ir-rapport tiegħu kien jinkludi rakkomandazzjoni li, minflok jerġgħu jinbnew il-fortifikazzjonijiet eżistenti f’partijiet oħrajn tal-gżira, kien ikun ferm aktar ekonomiku u prattiku li tinbena belt iffortifikata ġdida fuq il-peniżola Xiberras. Bil-għan li jassiguraw il-finanzjament għal din il-biċċa xogħol enormi, il-Kavallieri għamlu talba lill-qrati Ewropej għal finanzjament. Wara d-difiża erojka u mfaħħra tal-gżejjer, il-finanzjament seta’ jinkiseb faċilment. Għall-bqija tal-Ewropa Kristjana, Malta ffortifikata kif suppost kienet tabilħaqq tfisser ilqugħ ieħor ta’ difiża li jsaħħaħ u jħares lill-Punent mill-Ottomani. Id-disinn ta’ Laparelli kien jirrappreżenta tluq sinifikanti mill-istruttura tradizzjonali ta’ belt medjevali. L-għażla tiegħu waqgħet fuq disinn ibbażat fuq gradilja. Is-sistema ta’ gradilja pprovdiet ventilazzjoni ġeneruża u żiffa tal-baħar sabiħa lill-Belt, li jagħmlu l-ħajja aktar tollerabbli għall-abitanti. Il-Belt kellha wkoll ċerti karatteristiċi interessanti, inklużi turġien usa’ sabiex jakkomodaw lill-Kavallieri u l-korazzi kbar tagħhom. Ġlormu Cassar imbagħad qabad id-disinn ta’ Laparelli, li kien jinkludi l-fortifikazzjonijiet esterni u s-sistema ta’ gradilja li fuqha kienet ser tkun ibbażata l-Belt, u kompla bil-kostruzzjoni tal-Belt, billi kkonċentra fuq il-binjiet. Wara żjara qasira fl-Italja, Cassar bena għadd ta’ binjiet notevoli, inklużi Bereġ għal kull waħda mil-Lingwi tal-Ordni. Simili ħafna għall-ambaxxati, il-Bereġ issemmew wara l-Lingwi jew in-nazzjonalitajiet differenti li jsawru l-Ordni u servew bħala dar ’il bogħod mid-dar. Fl-1798, il-Belt inħatfet mill-forzi Franċiżi. Il-ħakma qasira tagħhom xejn ma kienet popolari mal-Maltin, li eventwalment kienu lesti jgħinu lill-Ingliżi biex jeħilsu darba għal dejjem mill-Franċiżi. L-Assedju ta’ Malta kien perjodu ta’ sentejn mill-1798 meta t-truppi Franċiżi ġew imġiegħla jirtiraw fil-Belt Valletta wara rewwixta mill-popolazzjoni lokali. L-Ingliżi kienu qegħdin jagħmlu imblokk navali effettiv ħafna li kien qiegħed iċaħħad lill-Franċiżi mill-provvisti vitali. Sal-1800, minħabba n-nuqqas ta’ ikel u ilma, kif ukoll minħabba t-tifqigħat ta’ mard, il-Franċiżi abbandunaw il-Belt, sabiex b’hekk wittew it-triq għall-ħakma ta’ 164 sena ta’ Malta mill-Ingliżi. Matul il-perjodu tal-ħakma Ingliża, il-Belt Valletta għaddiet minn aktar bidliet. Dawn kienu jinkludu t-twessigħ tat-toroq u tal-bibien tal-belt, kif ukoll il-kostruzzjoni ta’ ċerti binjiet notevoli, inklużi l-bini tal-Kamra tal-Kummerċ u t-Teatru Rjal (Royal Opera House), it-tnejn fi Triq ir-Repubblika. Dan tal-aħħar, riċentament ġie rrestawrat u mibni mill-ġdid mill-arkitett famuż Taljan Renzo Piano biex iservi ta’ teatru miftuħ. Wara l-eqqel bombardamenti fl-Ewropa, immedjatament wara l-gwerra beda perjodu ta’ rikostruzzjoni mingħajr dewmien sabiex terġa’ tingħata sura dinjituża lil din il-belt grandjuża. Il-Belt Valletta żgur li tiġġustifika d-deskrizzjoni minn Benjamin Disraeli, Prim Ministru tar-Renju Unit, meta ddeskrivieha bħala “belt ta’ palazzi mibnija mill-ġentlomi għall-ġentlomi”.
Belt eleganti b’numru ta’ knejjes
Din il-belt eleganti tiftaħar b’numru ta’ knejjes sbieħ, li kollha minbarra tnejn huma Kattoliċi. L-eċċezzjonijiet huma l-knisja msejħa St Andrews Scots, li hija knisja interdenominazzjonali li tipprovdi servizzi għall-Kristjani b’mod ġenerali u l-Katidral Anglikan ta’ San Pawl. L-aktar knisja famuża tal-Belt Valletta u possibbilment ta’ Malta hija l-Konkatidral ta’ San Ġwann, li jinsab fil-qalba tal-belt. Huwa nbena mill-arkitett Ġlormu Cassar għall-Kavallieri ta’ San Ġwann bejn l-1573 u l-1578. Il-katidral huwa magħruf għad-dekor affaxxinanti tiegħu minn ġewwa, tipiku tal-perjodu Barokk tard. Il-knisja hija ddekorata b’mod splendidu b’pitturi, skulturi u tapizzeriji ta’ artisti famużi fosthom Caravaggio u Mattia Preti. Il-knisja għandha tmien kappelli ddedikati lil-lingwi differenti tal-Ordni ta’ San Ġwann. Il-Knisja ta’ San Franġisk ta’ Assisi tinsab fil-bidu ta’ Triq ir-Repubblika u hija binja storika, li tmur lura għas-seklu 16. Din il-knisja tospita xogħlijiet artistiċi importanti, inklużi statwi, affreski u pitturi. Il-Knisja ta’ Santu Wistin, li tinsab fi Triq il-Fran, oriġinarjament inbniet ukoll minn Ġlormu Cassar. Madankollu, il-knisja reġgħet inbniet fl-1765 minn Giuseppe Bonnici. Il-knisja hija mibnija fil-forma ta’ salib Grieg u għandha stil Barokk. Knejjes oħrajn fil-Belt jinkludu dawk tal-Bażilika tal-Madonna tal-Porto Salvo u San Duminku; il-Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu; Santa Katarina tal-Italja; Santa Barbara; il-Knisja ta’ Ġesù Redentur; il-Madonna ta’ Damasku; Santa Katarin; in-Nawfraġju ta’ San Pawl; Santu Rokku; Santa Luċija; Santa Marija ta’ Ġesù (il-Knisja ta’ Ġieżu); iċ-Ċirkonċiżjoni ta’ Ġesù (il-Knisja tal-Ġiżwiti); il-Knisja tal-Verġni Mqaddsa; Sant’Ursula; San Nikola (tal-Erwieħ); il-Knisja tal-Madonna ta’ Liesse; il-Knisja tal-Ħarba tal-Familja Mqaddsa lejn l-Eġittu u l-Madonna ta’ Pilar. Il-Belt Valletta hija belt glorjuża u impressjonanti b’arkitettura rikka. F’kull rokna tagħha, dawk kollha li jżuruha jiltaqgħu wiċċ imb wiċċ ma’ kapulavuri u ġojjelli tal-arkitettura; iżda b’mod partikolari huma l-palazzi li jgawdu pożizzjoni prominenti f’din il-belt maestuża. Il-Berġa tal-Italja hija eżempju eċċellenti ieħor ta’ berġa oħra li ġiet iddisinjata minn Ġlormu Cassar. Dan il-bini għandu stemma araldika impressjonanti tal-ġebel fuq il-faċċata tiegħu. Casa Rocca Piccola hija wkoll binja unika oħra. Għalkemm hija proprjetà privata u fiha għadhom jgħixu n-nies, tkun miftuħa għall-pubbliku f’ħinijiet speċifiċi matul il-ġurnata. Il-palazz jinkludi aktar minn 12-il kamra mżejna b’mod lussuż, ġonna mdawrin bil-ħitan u netwerk taħt l-art ta’ passaġġi u xelters li kienu jintużaw fi żmien il-gwerra. Palazzi oħrajn li ċertament ta’ min iżurhom jinkludu l-Berġa ta’ Aragona, il-Berġa tal-Baviera, Palazzo Ferreria u Palazzo Castellania.
Belt grandjuża, ġonna grandjużi
Kull belt grandjuża għandu jkollha ġonna grandjużi. Il-Belt Valletta mhijiex eċċezzjoni. Dak li jiddistingwi dawn il-ġonna minn ġonna oħrajn huwa l-fatt li kull wieħed mill-ġonna prinċipali għandu veduti spettakolari. Kemm il-veduti spettakolari tal-Port il-Kbir mill-ġonna tal-Barrakka ta’ Fuq, kif ukoll il-veduti tal-baħar miftuħ mill-ġonna tal-Barrakka t’Isfel, huma postijiet trankwilli li jagħtu ċans lit-turisti u l-Maltin jaħarbu mill-istorbju u l-ħajja mgħaġġla fil-qalba tal-Belt. Dawn huma l-aktar ġonna famużi tal-Belt Valletta, u bir-raġun. Il-ġonna għandhom fost l-aktar veduti panoramiċi tal-Port il-Kbir. Il-ġonna tal-Barrakka ta’ Fuq li jinsabu fuq il-quċċata tas-sur ta’ San Pietru u San Pawl, jilqgħu fihom ukoll xogħlijiet artistiċi notevoli, inkluża skultura intitolata Les Gavroches, li nħadmet mill-iskultur Malti ta’ fama Antonio Sciortino.
Il-ġonna tal-Barrakka t’Isfel huma inqas popolari mill-ġonna tal-Barrakka ta’ Fuq. Dawn il-ġonna, li jinsabu fuq in-naħa tal-Lvant tal-Belt, għandhom monument neo-Klassiku li huwa ddedikat lil Sir Alexander Ball, l-ewwel u l-aktar maħbub minn fost il-Gvernaturi Ingliżi.
Il-Ġnien ta’ Hastings huwa ġnien trankwill li nbena ad unur Lord Hastings, li kien it-tieni Gvernatur ta’ Malta. Huwa ġie ddisinjat fuq stil neo-Klassiku u jinkludi monument iddedikat lil Lord Hastings innifsu. Il-ġonna huma magħrufa għall-veduti maestużi tal-port ta’ Marsamxett. Minn dan il-ġnien jidhru wkoll il-marina tal-jottijiet fl-Imsida u l-Gżira tal-Isqof (magħrufa aħjar bħala Manoel Island).
Fit-13 ta’ Ottubru 2012, tħabbar li l-Belt Valletta ntgħażlet bħala l-Belt Ewropea tal-Kultura għall-2018. Dan it-titolu prestiġjuż jirrifletti l-wirt kulturali inkredibbilment rikk ta’ dan il-kapolavur tal-era Barokka. Din il-belt iffortifikata, hija mimlija b’eżempji arkitettoniċi u artistiċi ta’ passat iċċelebrat. Iżda dan l-unur mogħti lill-Belt Valletta huwa aktar minn rikonoxximent tal-imgħoddi ppriservat tajjeb tagħha. Il-Belt Valletta hija belt ħajja mimlija enerġija. Kultura mfawra b’negozji, installazzjonijiet u wirjiet tal-arti, pjazez miftuħa u suq popolari li kollha jikkontribwixxu biex jagħmlu l-Belt Valletta ferm aktar minn mużew ħaj. Il-Belt qiegħda tinbidel kontinwament u dan jista’ jidher b’mod ċar mit-tisbiħ tal-entratura tal-Belt Valletta. Dan il-proġett monumentali jgħaqqad bieb il-Belt u l-madwar mal-Parlament ġdid u modern.
Grazzi għall-ħidma tal-Fondazzjoni Valletta 2018, pajjiżna sawwar viżjoni ambizzjuża għall-Belt Valletta mhux biss għal matul din is-sena ċelebrattiva imma wkoll permezz ta’ legat li jibqa’ jitgawda wara li tintemm.