Il-ġimgħa d-dieħla ċ-Champions Maltin tal-Futsal Valletta jibdew bl-avventura tagħhom fil-Maċedonja fir-Round Preliminari tal-UEFA Futsal Champions League fi grupp li jinkludi ukoll liċ-Champions tal-Estonia, tal-Irlanda u dawk tal-Maċedonja. F’konferenza stampa qabel it-tluq tal-kontinġent lejn il-Maċedonja nhar it-Tnejn, il-kowċ ta’ Valletta FC Futsal Xavier Saliba, akkumpanjat mill-assistant tiegħu Josef Borg, qal li t-team ilu diversi ġimgħat jipprepara għal din l-esperjenza.
Il-bidu ma kienx faċli bi players barranin ġodda sakemm jambjentaw ruħhom f’Malta, iżda llum jemmen li l-iskwadra hija kompettitiva biżżejjed u li kapaċi taqta’ figura tajba f’dan l-impenn triplu lil hinn minn xtutna. Apparti nukleju ta’ Maltin t’esperjenza u oħrajn żgħażagħ, l-iskwadra Beltija tinkludi tmien players barranin, tlieta mill-Ġorġja, Taljan, Spanjol, Kolumbjan, Serb u Libjan.
Xavier Saliba qal li jinsab ottimist li jekk kulħadd jiġbed ħabel wieħed, il-players jibqgħu konċentrati u bi ftit fortuna ukoll, Valletta jaqtgħu figura tajba u jisfidaw għall-ewwel post u l-kwalifikazzjoni minn dawn it-tliet logħbiet.
Min-naħa tiegħu ċ-Chairman ta’ Valletta FC Futsal Edward Bartolo tkellem dwar il-ħidma fl-aħħar ġimgħat biex il-klabb jonora bl-aħjar mod dan l-impenn barra l-pajjiż u jintlaħaq l-objettiv tal-kwalifikazzjoni.
Dwar il-Kampjonat li dan l-istaġun se jintlgħab bejn għaxar teamijiet biss, flimkien mal-President Chris McKay, Bartolo tenna li l-livell dejjem jogħla tal-Futsal f’Malta seta’ wassal biex xi teamijiet għażlu li ma jappikawx.
“Spiċċa dak iż-żmien li jkollok ħafna teamijiet, barranin ta’ livell inqas u li jkunu diġa jgħixu Malta, illum player barrani jinġieb bħala player professjonali biex jilgħab Futsal biss u jkun ta’ livell għoli ħafna”, tennew Bartolo u McKay.
Valletta intant jibdew bl-impenji fil-Jane Sandanski Arena ta’ Skopje minn Grupp E nhar l-Erbgħa li ġej fil-ħamsa u nofs ta’ wara nofsinhar kontra ċ-Champions tal-Estonja Cosmos.
L-għada l-Ħamis jiltaqgħu kontra l-Irlandiżi ta’ Futsamba Naas, qabel l-aħħar impenn, is-Sibt l-ewwel ta’ Settembru kontra t-team ospitu, Veles, Champions tal-Maċedonja. Valletta jridu jirbħu dan il-Grupp biex jikkwalifikaw għal Main Round tal-UEFA Futsal Champions League, liema grupp eventwalment jintlgħab fl-ewwel ġimgħa ta’ Ottubru.