Dalgħodu ċ-Champions Maltin tal-Futsal Valletta bdew bl-avventura tagħhom fir-Round Preliminari tal-UEFA Futsal Champions League hekk kif ħallew pajjiżna bid-destinazzjoni tkun l- Maċedonja.
Valletta ser jkun qed jilgħabu fil-grupp maċ-Champions tal-Estonja, tal-Irlanda u dawk tal-Maċedonja.
Apparti nukleju ta’ Maltin t’esperjenza u oħrajn żgħażagħ, l-iskwadra Beltija tinkludi tmien players barranin, tlieta mill-Ġorġja, Taljan, Spanjol, Kolumbjan, Serb u Libjan.F’kummenti li ta l-kowċ ta’ Valletta FC Futsal Xavier Saliba nhar il-gimgha waqt konferenza tal-ahbarijiet qal li jinsab ottimist li jekk kulħadd jiġbed ħabel wieħed, il-players jibqgħu konċentrati u bi ftit fortuna ukoll, Valletta jaqtgħu figura tajba u jisfidaw għall-ewwel post u l-kwalifikazzjoni minn dawn it-tliet logħbiet.
Valletta jibdew bl-impenji fil-Jane Sandanski Arena ta’ Skopje minn Grupp E nhar l-Erbgħa li ġej fil-ħamsa u nofs ta’ wara nofsinhar kontra ċ-Champions tal-Estonja Cosmos.
L-għada l-Ħamis jiltaqgħu kontra l-Irlandiżi ta’ Futsamba Naas, qabel l-aħħar impenn, is-Sibt l-ewwel ta’ Settembru kontra t-team ospitu, Veles, Champions tal-Maċedonja.
Valletta jridu jirbħu dan il-Grupp biex jikkwalifikaw għal Main Round tal-UEFA Futsal Champions League, liema grupp eventwalment jintlgħab fl-ewwel ġimgħa ta’ Ottubru.