L-aħħar ġurnata t’April ġabet fit-tmiem is-separju fuq il-kampjonat Malti tal-football, bit-tim tal-kapitali, Valletta ġa kien matematikament ċampjin tal-kampjonat Malti.
Dan hekk kif bdew jilgħabu b’vantaġġ t’erbgħa punti fuq it-tim ta’ Hibernians, b’dan tal-aħħar ma jistax jilħaq lil Valletta.
F’atmosfera mil-isbaħ il-partitarji ta’ Valletta ħonqu il-grawnd ta’ Ta’ Qali biex jiċċelebraw it-23 kampjonat fl-istorja glorjuża tal-klabb.
Minkejja li l-Hibs ma kellhom ebda ċans għar-rebħ, ħarġu għal-logħba bi grinta kbira, fejn anke ġew mċaħħda minn gowl, hekk kif il-goaler tal-Belt Henry Bonnello wettaq save mill-isbaħ.
L-attakant Arġentin, Federico Falcone tefa’ lil Valletta f’dilirju ta’ ferħ. Gowl mill-isbaħ minn kontrattakk, fit-58 minuta, b’xutt angolat ma ta ebda ċans lil Justin Haber.
Hibernians irrispondew immedjatament, b’gol ta’ Marcelo Dias fit-63 minuta.
Il-logħba ntemmet bl-iskor ta’ 1-1. Il-partitarji Beltin bedew jgħixu dak il-mument tant mixtieq li ilhom jistennew kampjonat sħiħ. Fi briju kbir it-tim Belti kien ippreżentat it-trofew.