Valletta 2018 iġġenerat €678 miljun investiment fl-ekonomija Maltija u ħalliet impatt ekonomiku ta’ €325 miljun.
Dan ħareġ minn rapport tal-kumpanija tal-awdituri rinomata KPMG li analizzat l-effett ekonomiku li ħalla warajh dan l-avveniment storiku għall-pajjiżna.
F’konferenza tal-aħbarijiet intqal li fis-sena li l-Belt kienet il-belt kapitali Ewropea għall-Kultura, żaruha tlieta mija u ħamsin elf turist iżjed u għalhekk l-ammont ta’ turisti li rifsu fil-kapitali ta’ pajjiżna laħħaq iż-2,600,000 turist.
Ir-rapport jgħid ukoll li permezz tal-avveniment Valletta 2018, kienet irreġistrata wkoll żieda ta’ 2.23% il-ġid nazzjonali.
Dan minbarra li nħolqu 8,000 impjieg f’numru ta’ oqsma differenti fosthom il-Kultura, il-kreattività, l-ospitalità, il-patrimonju, is-servizzi tat-teknoloġija tal-Informatika u t-trasport, inkluż dak bil-baħar.
Il-Kapitali Ewropea tal-Kultura wasslet ukoll għal riġenerazzjoni infrastrutturali estensiva fil-Belt, fosthom il-ftuħ tal-mużew tal-arti l-MUŻA, Pjazza Tritoni, Strada Stretta u s-Suq l-Antik, kif ukoll ir-restawr ta’ Palazzo Ferreria u l-faċċata tal-Knisja tal-Ġiżwiti, fost binjiet oħra.
Quddiem dawn ir-riżultati impressjonanti, il-Ministru responsabbli mill-Wirt Nazzjonali Josè Herrera saħaq li l l-Belt Valletta tibqa’ l-belt kulturali, dik tal-arti u dik li tixpruna l-kreattività.
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef saħaq li apparti l-legat b’saħħtu li ħalliet Valletta 2018, l-aġenzija li jmexxi llum qed tkompli ssaħħaħ il-ħajja kulturali vibranti tal-Belt.