Il-Fondazzjoni Valletta 2018 inghatat ir-rikonoxximent MELINA MERCOURI mill-Kummissjoni Ewropea.
Dan l-unur jingħata lill-ibliet Kapitali li jkunu issodisfaw il-kriterji stipulati mill-Kummissjoni, fost oħrajn li l-ħidma lejn it-titlu tal-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura twassal għal iktar investiment lejn il-kultura u biex il-familji jkollhom aċċess u interess ikbar lejn dan il-qasam biex il-kultura ma tibqax titqies bħala xi ħaġa ‘tal-ftit’. Dan ifisser ukoll li l-fondazzjoni ngħatat €1.5 miljun li issa tkun tista’ tkompli tinvestihom fil-proġett.
Il-panel, li evalwa x-xogħol li sar mill-Fondazzjoni, faħħar il-preparazzjonijiet li saru f’ dawn l-aħħar erba’ snin u l-isforzi biex il-proġett tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura jsir b’ mod ħolistiku. Dan filwaqt li rrimarka li l-ħidma qegħda on track.
Il-panel stqarr ukoll li l-programm imfassal minn V18 iħaddan ‘dimensjoni Ewropea’ b’ saħħitha u jħeġġeġ il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini, b’ mod partikolari permezz ta’ kampanji edukattivi u programmi ta’ taħriġ. Dan kollu wassal biex V18 tingħata dan ir-rikonoxximent.
Ir-rikonoxximent, kien deskritt mill-Ministru għall-Kultura, Owen Bonnici, bħala xhieda tar-riżultat eċċellenti li l-Fondazzjoni qed tikseb f’ dan il-qasam, juri wkoll li ntlaħqu kriterji għoljin tal-Kummissjoni Ewropea.
“Qegħdin nilħqu l-miri li mponejna aħna stess fuqna nfusna: li t-titlu ta’ Kapitali Ewropea tal-Kultura ikun unur għall-Malta u Għawdex kollha u fuq kollox għall-Maltin u l-Għawdxin kollha, bil-parteċipazzjoni ta’ kulħadd f’ħidma kollettiva” qal Bonnici.
Iċ-ċermen ta’ V18, Jason Micallef, qal li is-sehem tal-Maltin u l-Għawdxin flimkien mal-proġetti li għaddejin fil-Belt Valletta se jassiguraw legat li jmur lil hinn mill-2018.
Melina Mercouri, li għaliha hu msemmi r-rikonoxximent, kienet persuna involuta fil-ħidma politika iżda anka artistika u li ħadmet bi ħġara biex tqajjem iktar kuxjenza u apprezzament għall-kultura fost il-popli tal-Ewropa.