Bl-isem ta’ VAJNIL, il-bands lokali Kantera u Sterjotipi se jkunu parti mill-kunċert tal-ewwel edizzjoni ta VAJNIL. Kuncett mużikali mill-isbaħ bil-Malti fit-Teatru tas-Salesjani f’Tas-Sliema fl-14 ta’ Settembru 2024.
Iż-żewġ bands ma jridu l-ebda introduzzjoni fix-xena mużikali Maltija, bit-tnejn li huma ħarġu kanzunetti li kisbu popolarità kbira fl-aħħar snin.
Lill-grupp Kantera rajnih jifforma ruħu fl-2020, fejn ħa sehem għal aktar minn darba f’Mużika Mużika. F’dan il-festival il-grupp li jdoqq’ mużika tradizzjonali, ġie darbtejn fit-tieni post bil-kanzunetti ‘Tkun l’Hawn Għaddi’ u ‘Vjaġġ Sabiħ’ u fit-tielet post bil-kanzunetta ‘L-ewwel Jien’. Fil-kunċert Vajnil huma se jkunu qed iniedu l-ewwel album tagħhom.
Min-naħa l-oħra, il-grupp Sterjotipi li ġie ffurmat fl-2017 u li ma jrid l-ebda introduzzjoni huwa magħmul mill-mużiċisti Mark M Costa, Stefan Grech, Roderick Borg u Gabrijel Mansueto. Dawn paxxewna b’kanzunetti popolari bil-lingwa Maltija bħal ‘Int u Jien’, ‘Bogħod mill-Briju’, ‘Super Eroj’, ‘Belti’ u ’Mostri’.
It-teatru li fih se jsir il-kunċert huwa rinomat għal ħafna produzzjonijiet li ttellgħu ġo fih, fejn l-isfond tal-palk huwa magħmul minn xena tal-pittur Giuseppe Calì.
Il-biljetti għal dan il-kunċert jistgħu jinkisbu fuq is-sit https://ticketmonti.com/vajnil