Manuel Attard, il-barman li ċaħħad lill-Kap Bernard Grech milli jidħol fil-Każin Nazzjonalista tal-Ħamrun nhar il-festa ta’ San Gejtanu għaxart ijiem ilu, jinsab għal vaganza twila mal-familja tiegħu.
Minn tagħrif f’idejn ONE News jirriżulta li din il-btala overland bdiet eżatt wara l-inċident li fetaħ beraħ il-qasma kbira bejn il-fazzjonijiet tal-Partit li baqgħet tiddomina.
L-indikazzjonijiet huma li l-vaganza ta’ Attard, flimkien mal-familja estiża tiegħu, kienet diġà ppjanata sew minn qabel seħħ l-inċident fil-każin, li ħalla lill-kanvażer tal-Kap – Noel Mifsud Bonnici – midrub serjament, tant li kellha ssirlu operazzjoni maġġura f’siequ l-leminija fl-Isptar Mater Dei.
Hu ġie aggredit minn numru ta’ persuni, li għadhom mhux identifikati, wara li argumenta li l-Kap tal-Partit kellu dritt jidħol fil-każin.
ONE News seta’ jikkonferma li Manuel Attard u l-familja tiegħu telqu minn Malta permezz ta’ vapur ġranet qabel ħarġet l-istqarrija mill-Partit Nazzjonalista nhar il-Ġimgħa li għadda filgħaxija.
Dakinhar, ħamest ijiem sħaħ wara li seħħ l-inċident, il-PN kien iddikjara, f’sentenza waħda kollox, li l-Kunsill Amministrattiv tiegħu ddeċieda li l-Każin fil-Ħamrun għandu jinżamm “magħluq temporanjament”.
Għaldaqstant nifhmu li l-hekk suppost miżura dixxiplinarja ma kienet xejn għajr farsa oħra f’din is-saga u ġiet ippubblikata biss għax kien magħruf li l-barman kien se jkun fuq vaganza.
Kif għadu jiġi rrapportat ukoll f’numru ta’ rapporti fil-midja indipendenti, din il-kwistjoni kompliet tikxef id-dgħufija ta’ Bernard Grech fit-tmexxija tal-Partit.
Il-gazzetta KullĦadd ukoll żvelat kif, fl-ewwel seba’ xhur u nofs ta’ din is-sena, l-Eks Prim Ministru Lawrence Gonzi qed jiġi mbottat mill-establishment Nazzjonalista biex jintervjeni fl-arena politika biex ipatti għan-nuqqasijiet tal-istess Grech.