Francesco, ilu jpassi miċ-ċentru tal-Italja għal ftit ‘l isfel min-Niġerja mill-2017 u baqa’ jagħmel l-istess rotta sal-lum. U mill-bidu ta’ Mejju ingħaqdu wkoll Hope u Virginijus.
Dan huwa parti minn studju li qed tagħmel il-Birdlife Malta flimkien ma’ msieħba Ġermaniżi dwar il-passa tal-gamiem imsemmija u oħrajn magħhom
Il-Kap Eżekuttiv tal-Birdlife Malta, Mark Sultana, spjega kif mal-gamiem tpoġġa apparat elettroniku li jitrażmetti l-lokazzjoni tal-għasfur dan sabiex isir studju dwar il-moviment tal-gamiem li jpassi minn fuq Malta.
“Huwa interessanti li dan dejjem bejjet fl-istess post u dik hija informazzjoni importanti ħafna, jiġifieri meta tipproteġi dak il-post qed tipproteġih għal dejjem u ovvjament anke fejn kien qed iqatta’ x-xitwa. Naturalment fejn ikun qed iqatta’ x-xitwa, l-importanza hu li naraw l-abitat jekk hemmx ilma biżejjed, jekk ikun se jagħmlu proġett kbir jekk hux se jaffetwa eċċ”
Is-Sur Sultana spjega li l-gamiema hija ħlejqa vulnerabbli u għalhekk l-informazzjoni titfa’ dawl dwar l-importanza ta’ konservazzjoni biex l-ispeċi ma’ tinqeridx.
“Mill-informazzjoni li niġbru aħna tgħinna biex nikkoleboraw ma’ partners internazzjonali fil-pajjiżi ta’ fejn ikunu dawn il-gamiem biex nipprovaw nipproteġu l-partijiet, iż-żoni, li huma jkunu qed ibejtu jew inkella dawk li qed iqattgħu x-xitwa fihom”
Birdlife Malta saħqet fuq l-istudju xjentifiku.
“Naturalment ix-xjenza hija l-aktar ħaġa li ttik ċarezza ta’ x’inhu jiġri fl-ambjent naturali u hija s-sinsla ta’ kwalunkwe ħaġa li nagħmlu kemm bħala Birdlife u anke bħala Birdlife international li hija l-NGO internazzjonali”
Hope u Virginijus, żewġ gamimiet li telqu mill-gżira ta’ Kemmuna, bħalissa jinsabu fi Sqallija u l-Italja. Il-pubbliku wkoll jista’ jsegwi l-vjaġġ tal-għasafar minn fuq is-sit tal-Birdlife.