Ingħataw dettalji dwar kif f’’Raħal Ġdid se jsir proġett ta’ konservazzjoni tal-ilma f’żona li ser tkun riġenerata biex tibda titgawda wkoll mill-familji, partikolarment mir-residenti tan-nofsinhar ta’ Malta.
It-tisbiħ tal-ġnien Dom Mintoff kien imwiegħed fil-Budget tal-2017 u x-xogħol, b’involviment mal-Kunsill Lokali, wasal biex jibda.
Meta tagħmel ix-xita, il-livelli tal-art iwasslu biex l-ilma jinġabar fil-ġnien li jispiċċa mgħerreq bħalma jispiċċaw it-toroq tal-madwar. Dan l-ilma, jispiċċa jew jagħmel il- ħsara jew inkella jinħela.
Bħala parti mill-proġett, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma se tħaffer ġibjun fil-ġnien u l-ilma se jinġabar permezz ta’ kanali li se jsiru madwar il-Ġnien.
Imbagħad jittella’ permezz ta’ pompi tal-ilma li ser ikunu installati apposta. Dawn il-pompi jaħdmu b’mod awtomatiku u jinxtegħlu wkoll b’mod awtomatiku biex ikun hemm sistema’ ta’ irrigazzjoni awtomatika. Din hija sistema effiċjenti ta’ kif jissaqqew il-pjanti i b’mod effiċjenti.
Dawn id-dettalji ingħataw fil-preżenza tal-Ministru Konrad Mizzi u Jose Herrera li tnejn li huma tkellmu dwar il-ħtieġa li proġetti ta’ riġenerazzjoni u gwadann ambjentali jitwaħdu flimkien.