Is-servizz tas-sigurtà tar-Russja żamm żagħżugħ ta’ 29 sena mill-Uzbekistan b’rabta mal-qtil tal-Logutenent Ġeneral Igor Kirillov, Kap tal-Forzi tal-Armi Nukleari, Kimiċi u Bijoloġiċi tar-Russja. Kirillov u l-assistent tiegħu nqatlu bi splussiv moħbi fi scooter barra r-residenza tiegħu f’Moska nhar it-Tlieta.
L-Ukrajna ħadet ir-responsabbiltà għall-qtil u sejħet lil Kirillov ta’ 54 sena, bħala “mira leġittima” minħabba l-allegati delitti tal-gwerra tiegħu, inkluż l-użu ta’ armi kimiċi pprojbiti.
Skont is-Servizzi Sigrieti Russi, is-suspettat kien imwiegħed $100,000 u residenza fl-UE għat-twettiq tal-qtil. Hu ngħata struzzjonijiet kif ukoll ġie pprovdut bl-isplussiv u karozza li kera biex jissorvelja r-residenza ta’ Kirillov b’kamera installata fuq id-dashboard b’xandira diretta biex setgħu jsegwu s-Servizzi Sigrieti Ukreni f’Dnipro.