Il-Ħadd wara nofsinhar sar programm ta’ 12 il-tiġrija liema tiġrijiet kienu posposti mill-ġimgħa ta’ qabel minħabba l-maltemp. L-aktar tiġrija mistennija kienet il-finali sabiex jiġi ċċelebrat il-150 anniversarju mit-twaqqif tal-Malta Racing Club. Kienu 9 iż-żwiemel li finalment iddisputew din il-finali fejn fiha ħareġ rebbieħ Ut de Dompierre misjuq minn Michael Ellul. Din kienet is-7 rebħa tiegħu f’Malta minn 12 il-tiġrija hekk kif is-sena l-oħra kien rebaħ ukoll żewġ finali l-Prix de Vincennes u l-Kampjonat tas-Sajf.
Fil-finali tal-Ħadd irnexxielu wkoll jikser ir-rekord lokali fuq distanza ta’ 2140m hekk kif irreġistra medja ta’ 1’13”3. Wara li spiċċat it-tiġrija saret il-preżentazzjoni tat-trofej mis-Sinjura Denise Bonello f’isem l-isponsors tat-tiġrija Nespresso.
Mistennija wkoll kienu t-tliet semi finali mill-Kampjonat Assikura għall-Klassi Bronze. Fuq distanza ta’ 2140m dawn intrebħu minn Tinus Moseby misjuq minn Marco Refalo, Dollydoo Laday misjuq minn Rodney Gatt u Duc d’Haufor misjuq minn Redent Magro fejn inċidentalment dawn it-tlieta kienu qed jirreġistra it-tieni rebħa konsekuttiva tagħhom wara li kienu wkoll ħarġu rebbieħa fil-heats ta’ dan il-Kampjonat.
It-8 tiġrijiet l-oħra kienu kollha normali fuq distanza ta’ 1640m. Tnejn minn dawn kienu għall-Klassi Premier li raw l-ewwel rebħa f’Malta għal Plutonio misjuq minn Cliferty Calleja u l-ewwel rebħa tas-sena għal Jaguar Broline misjuq minn Redent Magro.
Għal Klassi Silver kien hemm 4 tiġrijiet fejn Veaulnes misjuq minn Noel Baldacchino, Maryland misjuq għall-ewwel darba minn Charles Camilleri u Wies Buitenzorg misjuqa minn Chris Grech hadu l-ewwel rebħa tas-sena filwaqt li d-debba Get Lucky Pellini ħarġet rebbieħa għall-ewwel darba f’Malta misjuqa minn Jesmar Gafa’.
Il-programm fetaħ b’żewġ tiġrijiet għall-Klassi Copper fejn kellna l-ewwel rebħa f’Malta għal Cobalt de Martigny misjuq minn Paul Galea u t-tieni rebħa konsekuttiva għal Magic Melon misjuqa minn Rodney Gatt.
Fi tmiem il-ġimgħa programm doppju ta’ tiġrijiet fejn l-attrazzjoni jkunu ż-żewġ finali mill-Kampjonat Assikura għall-klassijiet Gold u Bronze.Prezentazzjoni lis-Sinjuri Ciangura u Tabone sidien ta’ Ut de Dompierre u s-sewwieq Michael Ellul minn Denise Bonello Operations Manager Nespresso u Edwin Borg Chairman Malta Racing Club.
Ritratt: Alex Azzopardi