Tifel ta’ sitt snin uża l-pistola mixtrija legalment ta’ ommu biex spara lejn l-għalliema tiegħu fi skola Amerikana.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-pulizija f’Virginia qalet li t-tifel ġab il-pistola l-iskola fil-basket tal-iskola.
It-tifel spara intenzjonalment lejn l-għalliema tiegħu, Abigail ‘Abby’ Zwerner, waqt lezzjoni nhar il-Ġimgħa. Aktarx li kienet qed tipprova teħodlu l-pistola meta sparalha, laqatha f’idejha, u l-balla baqgħat sejra fl-istonku tagħha.
Il-Pulizija ikkomunkat l-inċident b’mod uffiċċjali waqt konferenza tal-aħbarijiet ilbieraħ, fejn qalet li l-għalliema rnexxielha teskorta lill-istudenti lejn post sigur qabel sejħet għall-għajnuna għaliha nnifisha.
Abigail Zwerner, li għandha 25 sena, għadha l-isptar f’kundizzjoni stabbli.
Il-Pulizija fi Newport News, belt ta’ 180,000 ruħ fil-majjistral ta’ Virginia Beach, qalet li tkellmu mal-għalliema aktar kmieni ilbieraħ, u ddeskrivewha bħala eroj.
It-tifel, li ismu ma ġiex ikkomunikat, ittieħdet fil-kustodja tal-awtoritajiet, u għaddej minn evalwazzjoni l-isptar. Il-Pulizija spjegat li se titlob ordni ta’ detenzjoni temporanja.
Filwaqt li l-iskola – li għandha madwar 550 student – għandha metal detectors, l-istudenti ma jiġux spezzjonati wieħed wieħed bir-reqqa.