Il-pulizija Amerikana qed tinvestiga l-imwiet ta’ erba’ studenti tal-Università ta’ Idaho, li nstabu lbieraħ f’dar qrib il-kampus.
Uffiċjali mad-Dipartiment tal-Pulizija ta’ Moscow (mhux il-kapitali Russa, iżda isem iz-zona fejn instabu fl-Amerka) skoprew l-imwiet meta wieġbu għal rapport ta’ persuna mitlufa minn sensiha ftit qabel nofsinhar.
Il-pulizija qed tissuspetta li l-imwiet seħħew kawża ta’ omiċidji. L-awtoritajiet ma ħarġux aktar dettalji, u lanqas semmew il-kawża tal-mewt.
Il-Pulizija qalet li se tikkomunika aktar informazzjoni ladarba l-membri tal-familja jiġu notifikati bl-imwiet. Ftit wara li nstabu l-katavri, l-Università tat parir lill-istudenti kollha biex jibqgħu ġewwa sakemm l-investigaturi ddeterminaw li ma kien hemm l-ebda theddida attiva għal oħrajn fir-reġjun.
B’rispett lejn l-istudenti mejta, il-klassijiet madwar l-istat u online huma kkanċellati llum it-Tnejn, 14 ta’ Novembru.
L-università qalet li l-counsellors huma disponibbli għall-istudenti kollha fiċ-ċentru tal-università, u qed tingħata għajnuna wkoll lill-impjegati.