Mart is-Surġent tal-Pulizija, li ġie ordnat iħallas ftit aktar minn €23,000 wara li l-Qorti Ċivili sabitu ħati li kkaġuna danni fuq sewwieq fi sparatura li tmur lura 21 sena, esprimiet id-dispjaċir tagħha. Dan għax familtha tħalliet tikkumbatti l-każ waħidha u ma sabet l-ebda għajnuna mill-Korp tal-Pulizija.
F’intervista mas-sit one.com.mt Connie Sciberras emfasizzat li żewġha, Frank, kien meħlus mill-inkjesta maġisterjali u dik maħtura mill-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, u li baqa’ jaħdem bħala pulizija tant li applika u laħaq Surġent.
“Meta kien involut f’din l-isparatura, ir-raġel tiegħi kien imwiegħed mill-korp, mill-fizjali ta’ dak iż-żmien l-għajnuna kollha għax hu ma kellux tort, kif irriżulta mill-inkjesti, però wara li reġgħet infetħet, fl-2012, il-korp tah dahru u spiċċjana lampa stampa.”
Kien fl-20 ta’ Settembru tal-1995, meta Charles Azzopardi kien għaddej bil-karozza tiegħu mit-triq Qui-Si-Sana. Quddiem il-Qorti, is-sewwieq stqarr li sab żewġ persuni f’karozza weqfin fil-ġenb tat-triq u filwaqt li wieħed minnhom kellu pistola f’idejh, għamlulu sinjal biex iwaqqaf il-karozza fil-ġenb tat-triq.
Eventwalment, qalu x-xhieda fil-qorti, Azzopardi prova jsuq fuqhom u kien hawn li Sciberras spara tir lejn ir-rota tal-karozza. Aġir li nstab li kien korrett minn inkjesti interni.
Iżda, fl-2012, il-Qorti Ċivili sabet lil Sciberras ħati u talbitu jħallas lis-sewwieq is-somma ta’ €33,878. Kien hawnhekk li l-pulizija appella mis-sentenza, bil-Qorti tal-Appell tnaqqas s-somma għal €23,626.
Madankollu ċ-ċifra xorta tlaħħaq it-€30,000 hekk kif il-Qorti ordnat li jħallas l-imgħax li jibda jakkumula mid-19 ta’ Ġunju, 2012, data tal-ewwel sentenza.
Connie qalet ukoll li l-familja għaddiet minn trawma morali.
“Ir-raġel tiegħi ilu snin ibati mill-ħruq ta’ stonku. Irid bilfors jieħu l-pirmli. Ma konniex qegħdin ngħixu. Aħna neżistu qegħdin f’dawn iż-żminijiet. Anke jekk tipprova tagħmel xi ħaġa. At the back of your mind għandek dik ix-xi ħaġa dejjem tberren.”
Aqra wkoll: SPARATURA F’TAS-SLIEMA: Pulizija ordnat iħallas €23,000