Ursula von der Leyen se terġa’ tkun il-President tal-Kummssjoni Ewropea għal ħames snin oħra. Dan hekk kif il-Ħamis, il-Parlament Ewropew fi Strasburgu vvota favur in-nomina tagħha mill-Kunsill Ewropew għat-tieni mandat f’dan ir-rwol.
Dan wara li l-mexxejja Ewropej f’summit tal-Kunsill Ewropew kienu qablu fuq isem Von der Leyen biex terġa’ tkun il-President tal-Kummissjoni Ewropea.
Fil-vot tal-Ħamis fil-Parlament Ewropew, erba’ mija u membru tal-Parlament Ewropew ivvotaw favur Ursula von der Leyen biex qabżet anke l-voti meħtieġa ta’ tliet mija u sittin għall-maġġoranza. 284 membru Parlamentari Ewropew ivvotaw kontra l-ħatra tagħha, waqt li 22 astjenew jew il-voti kienu invalidi. B’kollox ivvotaw 707 membri Parlamentari Ewropej.
F’din l-elezzjoni, Von der Leyen kellha l-appoġġ tat-tliet gruppi ewlenin fil-Parlament Ewropew, jiġifieri l-Partit Popolari Ewropew, li ġejja minnu, is-Soċjalisti u Renew Europe.
Dan ir-riżultat ifisser li Von der Leyen hi t-tielet President tal-Kummissjoni Ewropea li se sservi għat-tieni leġiżlatura konsekuttiva f’dan ir-rwol wara Jacques Delors u Jose Manuel Barroso, għalkemm xorta saret l-ewwel mara li għamlet dan.
F’konferenza tal-aħbarijiet wara li reġgħet ġiet eletta, il-President tal-Kummissjoni Ewropea sostniet kif f’dan il-vot tal-Ħamis ġabet aktar voti minn ħames snin ilu. Hawnhekk hi rringrazzjat lill-membri Parlamentari Ewropej tal-fiduċja li wrew fiha.
Qalet, “I cannot begin by how much, I am grateful for the trust and confidence of the majority of the European Parliament.”
Il-vot tal-Ħamis fisser ukoll li l-ogħla karigi fl-Unjoni Ewropea huma finalizzati għal din il-leġiżlatura.
Dan hekk kif, minbarra Von der Leyen, fil-ħames snin li ġejjin Antonio Costa se jkun il-President tal-Kunsill Ewropew wara li ntagħżel mill-mexxejja Ewropej, waqt li Roberta Metsola hi l-President tal-Parlament Ewropew għas-sentejn u nofs li ġejjin, wara l-vot li ttieħed nhar it-Tlieta li għadda.