Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursola von der Leyen talbet apoloġija lill-Italja talli l-Unjoni Ewropea ma bdietx tgħin lil dan il-pajjiż hekk kif faqgħet il-pandemija tal-Coronavirus.
Ursola von der Leyen qalet dan il-Ħamis waqt dibattitu fil-Parlament Ewropew, fejn qalet li jiddispjaċieha li Unjoni Ewropea naqset milli għenet fil-bidu ta’ din il-pandemija. Hija qalet li bħalissa l-Unjoni Ewropea hija fiċ-ċentru tas-solidarjetà madwar id-dinja, hekk kif l-istituzzjonijiet Ewropew ingħaqdu flimkien sabiex joffru apparat mediku, aktar sodod u għajnuniet finanzjarji sabiex il-pajjiżi Ewropej ikunu jistgħu jiġġieldu kontra dan il-virus.
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea appellat sabiex il-gvernijiet Ewropej ma jsirux populisti u biex ma jinħbewx il-fatti dwar il-pandemija.
Intant, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Taljan, Luigi Di Maio faħħar din id-dikjarazzjoni tal-President tal-Kummissjoni Ewropea u qal li din hija xi ħaġa pożittiva min naħa tal-Unjoni Ewropea.