Tgħidux li se nibda neqred, imma jkun hemm ħwejjeġ mhux kbar imma li jdejqu lin-nies li tajjeb wieħed jitkellem fuqhom forsi xi darba jissolvew. Ippruvajt fuq dan li se ngħid, imma f’wiċċi baqa’.
Mela kien hemm xi bravu żmien ilu fl-ARMS Ltd li daħħal sistema li persuna li tkun trid il-meter tad-dawl u tal-ilma fuq isimha trid jew jiffirma s-sid jew jekk tgħid li hi s-sid, trid iġġib kuntratti u provi, u jekk ikun hemm eredi oħra trid il-firem etc.
Dan joħloq problemi serji. Ikollok min mill-aħwa li jippretendi għax il-meter fuq ismu, il-post huwa tiegħu ! U jkun hemm min ikun irid jagħmel riċerki u testmenti fuq testmenti ħalli jagħti prova li l-post wirtu.
Issa min hu dak l-iblaħ li se jmur jiġġieled ħalli jirreġistra u jkun responsabbli tal-kont tad-dawl u tal-ilma? Min jinsisti li jkun fuq ismu jaħseb, kif għedt, ta’ ċuċ li l-post sar tiegħu. Għax kieku bl-istess mod, jekk ikun fuq kerrej il-post isir tal-kerrej?
Issa nafu li bħal ilma u dawl hemm sistemi oħra.
Hawn min għandu l-internet id-dar, u meta jiftiehem ma’ kumpanija jaraw fuq isem min se jkun, u min se jkun responsabbli għall-kont u mhux fuq isem min hi d-dar u li s-sid jiffirmalu.
Mietet waħda li kienet kerrejja. L-Arms gew infurmati li l-post mar lura għand is-sid. L-Arms ma riedux jafu u baqgħu joħorġu l-kontijiet fuq il-mejta. Meta jaslu l-kontijiet jiġu re-directed l-Addolorata !
Il-problema hi la kien hemm xi ħadd ivvinta dik is-sistema, ta’ warajh ma jafux li teżisti sistema aktar sempliċi u responsabbli, li min jiffirma għal xi ħaġa jidħol responsabbli għaliha.
Issa ltqajt ma’ każ isbaħ. Wieħed li m’ghandu x’jaqsam ma’ post il-Belt ilu jirċievi kontijiet u jibgħat li l-proprjeta mhix tiegħu u qatt ma kellu xejn x’jaqsam magħha. Inzerta li kien hemm bniedem bl-istess kunjom, u qed jibgħatu għandu. Naturalment lest li jisfidahom.
Meta jkun hemm buzzullotti bħal dawn, jien jidħol suspett li l-affarijiet sempliċi ma jaqblux u ma jogħġbux lil ċerti nies.
Żmien ilu ippruvajt meta kien hemm Konrad Mizzi Ministru. Ktibt l-email fid-9 ta’ Marzu, 2015, u ma ġara fil-fatt xejn.
F’ġieħ l-inkejja u spejjeż żejda, meta se jinbidlu proċeduri stupidi bħal dawn.