Hekk kif kien mistenni l-Ħadd waranofsinhar fil-Korsa tal-Marsa kellna l-akbar attendenza tas-sena bl-aktar tiġrija mistennija bla dubju tkun il-BOV Tazza l-Kbira u l-ispettaklu kollu marbut magħha.
Il-favorit Up and Go misjuq minn Rodney Gatt ma falliex fejn irnexxielu jikseb il-5 rebħa tiegħu minn 6 tiġrijiet f’medja ta’ 1’14”5 li huwa r-rekord ġdid għal din il-finali. Dan iż-żiemel huwa propjeta ta’ George u Joseph Attard li ġew ippreżentati bit-trofew mill-Executive PR u Marketing tal-Bank of Valletta Charles Azzopardi flimkien mac-Chairman tal-Malta Racing Club Edwin Borg.Il-pubbliku preżenti assista għal nofs ta’ nhar pjaċevoli hekk kif Festa Banda allegraw bid-daqq tal-marċi brijjużi filwaqt li kien hemm esebizzjoni mill-Classic Ford Club fejn dawn il-karozzi ħadu wkoll sehem fil-parata tal-finalisti flimkien mal-karozzini tal-Belt.
Il-parata taż-żwiemel finalisti tmexxiet miż-żiemel rebbieħ tas-sena l-oħra Urgah du Rib.
Id-9 tiġrijiet l-oħra fil-programm kienu fuq distanza twila ta’ 3140m fejn Noel Baldacchino rnexxielu joħroġ rebbieħ 3 darbiet fejn fi Klassi Copper Eros Dairpet rebaħ għall-ewwel darba fil-karriera tiegħu, Uttar Pradesh rebaħ l-ewwel tiġrija tiegħu f’Malta fi Klassi Silver u fi Klassi Bronze rreġistra rebħa b’Sillon du Breuil.
It-tiġrija tal-Klassi Premier intrebħet minn Titan d’Abo misjq minn Charles Camilleri. Klassi Gold raw rebħiet għad-debba Hilda Nalan misjuqa minn Clint Vassallo, Uno Pont Vautier misjuq minn Michael Ellul u d-debuttant Verdi des Charmes misjuq minn Donio Vella.
Fi Klassi Bronze kellna rebħiet għal Utal des Landes misjuq minn Salvu Vella u Querby du Gite misjuq minn Nathaniel Barbara.
Il-programm li jmiss issa jsir nhar il-Ħadd li ġej bl-aktar tiġrija mportanti tkun il-finali tal-Kampjonat Krafft għall-Klassi Silver.