F’ċerimonja li saret fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Floriana, 26 membru tal-Korp tal-Pulizija u eks membri ngħataw midalja għal servizz twil u effiċjenti li ngħata fi 18-il sena servizz.
Il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri, flimkien mal-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà, ippresedew iċ-ċerimonja fejn 10 membri tal-Korp u 4 eks-membri ngħataw l-ewwel clasp li tingħata mal-25 sena ta’ servizz; filwaqt li 28 membri tal-Korp u 2 eks-membri ngħataw it-tieni clasp, li tingħata mat-30 sena servizz.
F’diskors tal-okkażjoni l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà qal li din hija ċerimonja speċjali fejn fiha niċċelebraw id-dedikazzjoni, il-lealtà u l-professjonaliżmu ta’ grupp ta’ uffiċjali li ddedikaw snin sħaħ fil-Korp tal-Pulizija ta’ Malta b’servizz ta’ eċċellenza lejn il-poplu Malti u Għawdxi.
L-Assistent Kummissarju Raymond Cassar li kien wieħed li ngħata midalja għas-servizzi tiegħu, tenna li l-irwol li jaqdi lil pajjiżu huwa ta’ unur kbir.
Qal, “Li tieħu dan l-award huwa ta’ unur iktar għaliex turi kemm inti qdejt lil pajjiżek kif suppost qdejtu.”
Intant, tkellmet ukoll l-Pulizija Lorraine Grech Mifsud li spjegat kif ilha fil-Korp tal-Pulizija minn meta kienet żgħira u dan ix-xogħol minn dejjem kien itiha sodisfazzjon.
Qalet, “Jiena dħalt fil-Korp tal-Pulizija ta’ età żgħira biex b’din l-uniformi nagħti servizz lill-poplu. B’dan is-servizz li nagħti jien nieħu sodisfazzjon kbir.”
F’kelmtejn, il-Ministru Byron Camilleri qal li l-messaġġ waħdieni li ried iwassal f’din l-okkażjoni mhux biss f’isem il-gvern, iżda anke f’isem il-poplu Malti u Għawdxi kollu hija l-kelma grazzi għas-servizz tagħhom.
Il-Ministru Camilleri tenna kif dan il-Gvern, li kien spalla ma’ spalla magħhom sabiex jingħataw drittijiet u kundizzjonijiet bla preċedent, fostom bi ftehim kollettiv u ftehim settorjali li tejjeb ferm il-kundizzjonijiet tagħhom, u investa fihom u fl-għodda li jużaw, ser jerġa’ ikun spalla ma’ spalla magħhom hekk kif għaddejja ħidma sabiex ikomplu jissaħħu l-liġijiet marbuta ma’ vjolenza fuq uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija u uffiċjali pubbliċi.