L-artist Malti tat-tattoos, Samuel Schiavone, għadu kemm għamel unur għal pajjiżna waqt it-Titanic Tattoo Convention, li għadha kemm ġiet organizzata fuq tlett ijiem f’Belfast, l-Irlanda ta’ Fuq, fil-bidu ta’ dan ix-xahar.
Waqt li kiseb l-ewwel post fil-kategorija tal-aqwa tattoo, f’waħda mill-ġranet tal-konvenzjoni, Schiavone spiċċa wkoll fit-tieni post inġenerali tal-kompetizzjoni kollha.
Id-disinn tiegħu, li spikka fost l-artisti kollha li ħadu sehem minn madwar id-dinja, ittratta s-suġġett prinċipali fi stil noir b’wiċċ l-attriċi ikonika tas-snin erbgħin, Lauren Bacall.
Minbarra t-Titanic Tattoo Convention, din is-sena Samuel ukoll ħa sehem fil-Milano Tattoo Convention fl-aħħar tmiem il-ġimgħa ta’ Jannar, fejn ukoll kellu suċċess identiku bħal dak fl-Irlanda ta’ Fuq.