Malta bdiet l-impenji tagħha f’Grupp 2 ta’ League D tal-UEFA Nations League b’telfa ta’ 2-0 għas-spejjeż tal-Moldova, f’partita li ntlgħabet fi Stadionul Zimbru f’Chisinau.
L-ewwel taqsima kienu l-Moldova li kellhom l-kontroll assolut tant li anke irnexxilhom isibu x-xibka f’żewġ okkażżjonijiet. Kien fit-32 minuta li l-Moldova fetħu l-iskor bi freekick mid-distanza ta’ Mihail Caimacov li ma ta’ l-ebda ċans lill-goalkeeper Malti Henry Bonello.
Huma kabbru l-iskor għal 2-0 eżatt qabel tmiem l-ewwel taqsima meta r-referee tal-partita Mykola Balakin saffar għall-penalty wara foul tal-goalkeeper Henry Bonello fuq Mihail Caimacov.
Inkariga mill-penalty Ion Nicolaescu li tefa’ l-ballun naħa u l-goalkeeper Malti n-naħa opposta biex kabbar l-iskor għal pajjiżu.
Fit-tieni taqsima t-tim Malti ħareġ kemm xejn aħjar iżda l-iskor sat-tmiem baqa’ dak ta’ 2-0.
Malta issa terġa tkun fl-azzjoni fit-tieni impenn tagħha minn din l-kompetizzjoni, nhar t-Tlieta li ġej away kontra l-Andorra, partita li tibda fi 20:45.
Ritratt: MFA / capturedbydre13