“Unjoni Ewropea viċin in-nies. Unjoni Ewropea għan-nies.”
Saħaq dan il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela waqt Business Breakfast li ssuktat b’diskussjoni dwar l-għoxrin sena minn mindu Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea.
Din id-diskussjoni hija parti minn kullana ta’ attivitajiet b’rabta mal-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista.
Il-Prim Ministru Robert Abela sostna kif fl-aħħar għoxrin sena, pajjiżna kiber fl-għarfien dwar il-benifiċċji li ġġib magħha s-sħubija, l-isfidi u kif l-Unjoni evolviet, kibret u inbidlet.
Dr Abela semma l-kontribuzzjonijiet diversi li ta pajjiżna lill-Unjoni Ewropea biex ġew eliminati ostakli għaċ-ċittadini Maltin u Għawdxin f’oqsma differenti.
Fosthom issemmiet il-ħidma dwar il-protezzjoni tal-konsumatur fis-suq uniku, il-ħidma fuq l-ewwel Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fl-2017, il-ħidma fil-qasam tal-Ambjent u t-tibdil fil-klima u d-drittijiet ċivili.
Minbarra hekk, il-Prim Ministru fakkar kif pajjiżna kien minn tal-ewwel li akkwista dożi tal-vaċċin biex ilaqqam il-poplu waqt il-pandemija tal-Covid-19.
Fid-diskors tiegħu, Dr Abela elenka numru ta’ kbir ta’ inizjattivi li saru u għadhom qed isiru bis-saħħa tal-fondi ewropej, ewlenin fosthom l-iskema tal-wage supplement, skema li salvat għexieren ta’ impjiegi. Ġie nnutat ukoll l-investiment li sar fit-toroq arterjali, investiment fl-isptar tal-onkoloġija, l-investiment li għaddej fis-saħħa, l-skemi fil-qasam soċjali, l-enerġija rinovabbli u ħafna aktar.
Robert Abela tkellem ukoll dwar is-salvagwardja ta’ deċiżjonijiet b’unanimita f’oqsma li jolqtu n-newtralita tagħna u t-tassazzjoni.
Il-Prim Ministru temm b’messaġġ ċar dwar il-prijoritajiet tar-rappreżentanti fil-Parlament Ewropew li dejjem iridu jħallu impatt pożittiv fuq il-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin.
Intant fil-bidu ta’ dan il-Business Breakfast id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Daniel Micallef tenna li din l-attività tista tixpruna d-diskussjoni tal-għoxrin sena li ġejjin fis-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.
Il-Perit Daniel Micallef qal li bis-sehem ta’ kulħadd Malta għamlet suċċess f’dan il-qasam u huma l-kulturi differenti li għandu l-kontinent Ewropew li tagħmilna dak li aħna. Irrimarka li f’27 stat membru għandna nħaddnu d-diversità u ma nużawhiex bħala arma kontra xulxin.
Waqt l-intervent tiegħu d-Deputat Mexxej tkellem dwar il-kunċetti li ngħożżu u li jsawwru lill-Partit Laburista biex l-irwol tagħna f’diversi oqsma fl-Unjoni Ewropea jkun rilevanti, fosthom il-paċi u n-newtralità, fatturi li ħaddieħor jgħid li huma xi ħaġa antika.
Daniel Micallef temm jgħid li l-iktar ħaġa importanti li rridu niffukaw fuqha hija li naħsbu dwar x’ewropa rridu naraw u nibqgħu naħdmu biex nissalvagwardjaw lill-poplu Malti u Għawdxi.