Il-Police Officers Union fi ħdan il-General Workers’ Union ikkundannat lill-għaqda Repubblika, li permezz tal-President Onorarju tagħha Robert Aquilina, ħu d-Deputat Nazzjonalista u Kelliem għall-Ġustizzja Karol Aquilina, ħeġġeġ lill-uffiċjali kollha tal-Korp tal-Pulizija biex ma jobdu l-ordnijiet tas-superjuri tagħhom, inkluż il-Kummissarju Angelo Gafà.
Fi stqarrija, il-POU qalet li hu kkundannabbli kull attakk mill-midja fuq il-Korp tal-Pulizija kif ukoll fuq il-Kummissarju tal-Pulizija nnifsu, li jmexxi b’dedikazzjoni wieħed mill-korpi dixxiplinati ewlenin ta’ pajjiżna.
Din id-dikjarazzjoni saret jumejn wara li Robert Aquilina, magħruf sew għall-attakki tiegħu fuq l-istituzzjonijiet, kiteb fuq il-midja soċjali fejn ħeġġeġ lill-uffiċjali tal-Pulizija biex ma jiħdux ordnijiet mingħand Angelo Gafà, li b’mod dispreġġjattiv irrefera għalih bħala “Anġlu”.
Insista li kull darba għandhom jesiġu li jingħataw struzzjonijiet mingħandu bil-miktub biss.
Aquilina, bit-tipiku arroganza grassa tal-establishment, li ma tagħrafx limiti, saħansitra alluda li l-Kummissarju tal-Pulizija jġiegħel lill-uffiċjali taħtu biex jieħdu l-iżbalji apposta u mbagħad iħallihom iferfru waħedhom.
Għalkemm ma rreferitx direttament għalih b’ismu, ONE News hu informat li l-istqarrija tal-POU is-Sibt kienet qed tirreferi b’mod speċifiku għall-attakk ta’ Aquilina.
Hawnhekk l-unjin enfasizzat li, minn dejjem, kienet u se tibqa’ tara, kif inhu dmirha, li kull uffiċjal jaħdem fl-aqwa kundizzjonijiet tax-xogħol possibbli biex b’hekk ikun jista’ jagħti servizz kif mixtieq.
Qalet li, għaldaqstant, tikkundanna attakki bla bażi u dispreġġjattivi fuq it-tmexxija tal-Korp tal-Pulizija.