University of Malta ACJ Group baqgħu jżommu r-rekord perfett tagħhom sa mill-bidu ta’ dan l-istaġun meta rreġistraw il-11-il rebħa konsekuttiva wara skor ta’ 5-3 kontra Swieqi United. L-Universitarji baqgħu jżommu l-ewwel post tal-klassifika filwaqt li żammew il-vantaġġ ta’ ħames punti fuq iċ-champions Luxol hekk kif bdiet il-fażi msejħa Enemed Futsal Premier League. Huma stabilixxew vantaġġ ta’ 3-2 sa tmiem l-ewwel taqsima filwaqt li żiedu żewġ gowls oħra sabiex aċċertaw ruħhom mit-tliet punti finali.
Cleavon Portelli skorja doppjetta filwaqt li Guillherme Fonseca, Gia Nikvashvili u awtogowl ta’ Rodney Debono taw ir-rebħa lill-Universita’ ta’ Malta. Swieqi skorjaw il-gowls tagħhom permezz ta’ doppjetta ta’ Bryan Stiven u awtogowl ta’ Melvin Borg. Referees kienu Clint Cassar u Jude Amin Utulu.
Iċ-champions Luxol irritornaw għar-rebħ wara t-telfa tal-ġimgħa l-oħra kontra l-Universita’ ta’ Malta hekk kif iddominaw għalkollox il-konfront kontra Birżebbuġa St Peter’s Futsal tant li rebħu 10-0. Kif jindika l-iskor, it-tim minn St Andrew’s iddomina mill-bidu sal-aħħar dan il-konfront. Victor Oliveira Dias skorja tripletta, Andre Ciancio kien awtur ta’ doppjetta filwaqt li Andy Mangion, Jefferson Breno, Maicon, Luke Gatt u Robert Stoyanov żiedu aktar gowls għat-tim tagħhom. Referees kienu Stephen Vella u Danilo Francalanza.
Mill-Enemed Challenger League, Ta’ Xbiex Futsal Izola Bank telgħu fl-ewwel post tal-klassifika wara li għelbu lis-selezzjoni Maltija ta’ taħt id-19-il sena 4-1. Stefi Cale skorja doppjetta, b’Liam Caruana u Juan David Bautista li żiedu aktar gowls għal Ta’ Xbiex. Mason Agius skorja l-uniku gowl għaż-żgħażagħ Maltin. Referees kienu Pierre Bonnici u Luca Formosa.
Marsaskala Futsal telgħu fit-tieni post ta’ dan il-kampjonat meta għelbu lis-selezzjoni Maltija ta’ taħt it-18-il sena 5-2. Owen Duca, Amir Ashtiyani, Ryan Pisani, Craig Pickard u Ryan Marques skorja l-gowls għall-Iskalin filwaqt li Brave Azzopardi skorja doppjetta għat-tim ta’ taħt it-18-il sena. Referees kienu Jonathan Balzan u Antonio Cassar.
Sliema Wanderers Futsal ħallew l-aħħar post tal-klassifika wara li għelbu lil Gżira United Santa Margherita 8-5. Kienet logħba ta’ żewġ uċuh bil-Gżirjani li ddominaw l-ewwel taqsima tant li stabilixxew vantaġġ ta’ 4-1. Minkejja kollox, is-Slimiżi nbidlu mil-lejl għan-nhar u rnexxielhom idawru l-iskor favurihom fit-tieni taqsima. Karl Azzopardi, Juan Diego Letrado u James Brincat skorjaw doppjetta għal Sliema bi Juan Poveda u Mohamed Kara li għaqqdu l-iskor għall-Blues. Yessous Camilleri skorja erba’ gowls għal Gżira filwaqt li Ayrton Duncan ukoll niżżel ismu fost l-iskorers. Referees kienu Andrea Naudi u Marco La Rosa.
KLASSIFIKA– ENEMED FUTSAL PREMIER LEAGUE
University of Malta ACJ Group 33, Luxol St Andrew’s 28, ŻRQ Bormla 25, Swieqi United FC Futsal 21, Birżebbuġa St Peter’s 18.
KLASSIFIKA – ENEMED CHALLENGER LEAGUE
Marsaskala Futsal 16, Ta’ Xbiex Futsal Izola Bank 15, Selezzjoni Maltija U19 10, Selezzjoni Maltija U18 3, Sliema Wanderers FC Futsal 5, Gżira United Santa Margherita 3.