Qed tkompli tissaħħaħ il-konnettività bejn Malta u pajjiżi oħrajn, hekk kif fl-aħħar jiem saru jew tħabbru rotot ġodda minn diversi linji tal-ajru.
Il-kumpanija Universal Air, li hi bbażata f’pajjiżna, wettqet b’suċċess l-ewwel titjira fir-rotta li minn Malta tieħdok lejn il-belt Ungeriża ta’ Debrecen u minn hemm ukoll għall-belt fil-Ġermanja ta’ Leipzig.
Din l-aħbar ġiet anke mfaħħra fil-midja Ungeriża, bis-sit Hungary Today jinnota kif din ir-rotta se topera darbtejn fil-ġimgħa. Il-belt ta’ Debrecen tinsab fil-Lvant tal-Ungerija u hi t-tieni l-aktar belt popolata fil-pajjiż wara l-kapitali Budapest.
F’din ir-rotta, il-Universal Air se tkun qed topera b’ajruplan De Havilland Canada Dash 8 li jesa’ 78 persuna.
Is-Sindku tal-belt Ungeriża qal kif din it-titjira se terġa’ tqajjem it-turiżmu fiż-żona, wara li kien miet kollox fi żmien il-COVID-19. Is-sit Ungeriż qal ukoll li Malta hi destinazzjoni turistika ferm importanti għaż-żewġ pajjiżi. L-istess rotta anke ġiet imfaħħra mill-kumpanija BMW li għandha impjanti fiż-żewġt ibliet.