Żewġ assoċjazzjonijiet sportivi ingħaqdu flimkien biex jippromwovu l-attivitajiet tagħhom bl-għan li jkabbru s- sapport lejn it-timijiet nazzjonali.
#UnitedForMalta huwa t-titlu tal-promozzjoni konġunta bejn il-Malta Football Association u l-Malta Rugby Football Union, probabbli l-ewwel waħda ta’ din ix-xorta fl-isport lokali, u li tnediet iktar kmieni din il-ġimgħa.
Andrè Schembri u Rowen Muscat, it-tnejn membri tat-tim nazzjonali tal-football, ingħaqdu ma’ żewġ players tat-tim nazzjonali tar-rugby, Julian Galea u Matthew Spiteri, għal photo-shoot fl-Istadium Nazzjonali.
Lebsin il-kit tat-timijiet nazzjonali bis-salib ta’ Malta esebit bi prominenza fuq il-parti ta’ quddiem, dawn l-ambaxxaturi tal-isport taw wirja ta’ unità u solidarjetà f’ġimgħa impenjattiva għaż-żewġ timijiet.
Ġimgħa li ser tara lit-timijiet kemm tal-football u anke tar-rugby involuti f’żewġ logħbiet internazzjonali fil-pajjiż.
It-tim nazzjonali tal-football ivara l-impenji tiegħu għal din is-sena b’logħba ta’ ħbiberija kontra l-Lussemburgu llum, il-Ħamis fl-Istadium Nazzjonali (18.00) filwaqt li t-tim nazzjonali tar-rugby jilgħab kontra Andorra nhar is-Sibt, f’logħba mir-Rugby Europe fl-Istadium tal-Hibernians (14.00).
Il-Viċi President tal-MFA Dr Matthew Paris, li kellu parti importanti fid-diskussjonijiet bejn iż-żewġ assoċjazzjonijiet, huwa kunfidenti li minn dan il-ftehim ser jieħdu l-frott kemm-il football u anke r-rugby.
“L-MFA hija kuntenta li hija parti minn din l-inizjattiva mal-Malta Rugby Football Union,” qal Dr Paris.
“Aħna nemmnu li dan il-ftehim jista’ jkun ta’ benefiċċju għaż-żewġ assoċjazzjonijiet, hekk kif qed ningħaqdu biex nippromwovu t-timijiet nazzjonali li għandhom ħaġa komuni …. it-tnejn jirsistu u jistinkaw biex jirrapreżentaw lill-pajjiżna b’unur fix-xena sportiva internazzjonali.