Il-ħajt tal-indana kien miżgħud bl-inkwatri b’diversi badges fihom. Fost l-oħrajn, kellu l-ewwel badge li bdiet tintuża fuq il-kpiepel tal-Pulizija Maltija, jiġifieri tmur lura għall-1870.
Joseph Borda, eksSurġent tal-Pulizija, huwa kollezzjonist ta’ ftit iktar minn mitt uniformi, 700 kappel, 4,000 patch u 2,000 badge tal-Pulizija minn madwar id-dinja.
Borda ssieħeb fil-Korp tal-Pulizija fl-1971. Ftit tas-snin wara kien imissu xogħol il-Belt u hemmhekk iltaqa’ ma’ Pulizija Ġermaniż. Offrielu li kif jasal lura pajjiżu jibgħatlu kappell tal-Pulizija Ġermaniż.
Minn hemm ma ħarisx lura u beda jikkorispondi mal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija ta’ pajjiżi differenti u bdew jibagħtulu l-patches, il-badges u l-kpiepel. Dan il-proċess kien jieħu ż-żmien iżda llum, permezz tal-internet jirnexxielu jikkomunika aħjar biex ikabbar il-kollezzjoni tiegħu.
https://youtu.be/O0nQN7uPbkk
Borda qal li għandu l-uniformijiet kollha li ntużaw mill-Korp tal-Pulizija ta’ Malta u li għandu oħrajn minn madwar id-dinja. Fost l-aktar uniformijiet li għandu għall-qalbu, Borda rrefera għal dik li tintuża mill-Pulizija tal-banda tal-Carabinieri, l-uniformi tal-California Highway Patrol li kienet tintlibes minn dixxindent Malti bl-isem tal-uffiċjal mnaqqax fuq il-badge, u l-aħħar uniformi tal-Belġju mogħtija lilu minn Assistent Kummissarju li kien waqt żjara f’Malta.
B’referenza għall-kollezzjoni tal-kpiepel, Borda qal li mill-Ewropa għad jonqsu jikseb dak tal-Istat tal-Vatikan.
Is-sħubija tiegħu mal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Pulizija (IPA) għenitu biex iżid il-kuntatt ma’ uffiċjali tal-Pulizija minn madwar id-dinja. Sakemm konna għandu rċieva żewġ patches minn distrett Amerikan. Waħda biex iżidha mal-kollezzjoni tiegħu u oħra biex ikun jista’ jpartatha.
Borda għandu wkoll kollezzjoni żgħira ta’ manetti, lembubi u tarek.
L-ekspulizija qalilna li jixtieq jara din il-kollezzjoni miġbura f’mużew, fejn ikun kollox spjegat u mqassam kif għandu jkun. Jittama li jinqala’ proxmu biex ikun jista’ jgħinnu jwettaq dan il-proġett.
https://youtu.be/gU3xHuXyM7c