Mill-pajjiżi Ewropej fil-Mediterran, Malta esperjenzat tnaqqis drastiku fl-għadd ta’ immigranti irregolari, imqabbel mal-għexieren tal-eluf li waslu fl-Italja, Spanja u l-Greċja, b’mod partikolari.
Dan joħroġ minn tagħrif ippubblikat mill-uffiċċju f’Malta tal-aġenzija tar-refuġjati tal-Ġnus Magħquda, il-UNHCR, li wera kif, fl-aħħar snin, mindu pajjiżna laħaq ftehim anke ma’ pajjiżi fit-Tramuntana tal-Afrika, kien hemm riżultati sinifikanti f’dan ir-rigward.
Skont il-UNHCR, l-akbar ammont ta’ wasliet f’Malta fl-aħħar snin kien irreġistrat ħames snin ilu meta kienu żbarkaw fostna 3,406 immigranti, waqt li, fl-2020, waslu 2,281. Dawn is-sentejn kienu kkaratterizzati mill-eqqel tal-gwerra interna Libjana.
Dan jikkuntrasta bil-kbir mal-wasliet li kien hemm fl-aħħar xhur, tant li din is-sena waslu biss 102 persuni, waqt li s-sena l-oħra tali wasliet ammontaw għal 380.
Minbarra hekk, tweġiba li l-Ministeru għall-Intern kien ta fil-Parlament lid-Deputat Nazzjonalista Joe Giglio qalet li, fl-2023, kien hemm ukoll aktar immigranti irregolari, li telqu minn Malta, milli fil-fatt waslu. Dan hekk kif mill-immigrant irregolari, li ġew salvati, 315 ġew irritornati lejn pajjiżhom. Fl-istess perjodu wkoll ġew rilokati 159 immigrant irregolari lejn stati membri oħrajn tal-Unjoni Ewropea.
Malta u l-Libja fl-2020 kienu ffirmaw ftehim ta’ koperazzjoni dwar l-immigrazzjoni irregolari li jiffoka fuq il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u t-twaqqif ta’ żewġ ċentri ta’ kordinazzjoni, wieħed fil-Libja u ieħor f’Malta.
Il-ftehim kien imġedded aktar kmieni din is-sena wara żjara fil-Libja mill-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, Byron Camilleri.
L-Aġenzija tar-Refuġjati tal-Ġnus Magħquda qalet li t-tnaqqis ta’ wasliet f’Malta kien wieħed sostanzjali, fl-istess ħin li aktar minn mija u erbgħa u għoxrin elf immigrant qasmu għal pajjiżi oħrajn Ewropej sal-bidu ta’ din is-sena. Fost l-oħrajn, l-Italja rat il-wasla ta’ ftit inqas minn 44,000 immigrant, Spanja ’l fuq minn 37,000 u ftit inqas minn 35,000 fil-Greċja. Fuq il-gżira ta’ Ċipru wkoll waslu mal-5,000 immigrant.
Dwar dawn ir-riżultati sinifikanti, tlabna r-reazzjoni tal-Ministru Camilleri fejn spjega li dan hu kollu riżultat ta’ numru ta’ deċiżjonijiet.
“Fl-aħħar snin, bħala Gvern, ma konniex kuntenti bis-sitwazzjoni fejn tidħol l-immigrazzjoni irregolari. U allura ħadna numru ta’ deċiżjonijiet li naqqasna b’mod drastiku l-wasliet ta’ immigranti irregolari lejn pajjiżna. Dan għamilnieh kemm bi ftehim mal-Libja, kemm billi attakkajna b’mod kontinwu t-traffikanti tal-bnedmin u anke billi ħadna numru ta’ deċiżjonijiet lokali, għax ridna nagħtu messaġġ ċar li għalina mhux aċċettabbli li persuna tirriskja ħajjitha u rridu nwaqqfu l-imwiet fuq il-baħar. Dan wassal ukoll biex kien hemm tnaqqis drastiku fil-wasliet ta’ immigrazzjoni irregolari li kellna lejn pajjiżna fl-aħħar snin.”