Eluf ta’ Ukreni, li qed jiffaċċjaw ċirkostanzi mill-agħar f’pajjiżhom, diġà sabu sostenn permezz tas-sit Malti Kellimni.com, li f’din l-aħħar sena beda joffri fergħa ġdida fis-servizzi tiegħu lil persuni mal-2,000 kilometru ’l bogħod.
Hemm persuni li, tant jinsabu ddisprati, li jixtiequ jmutu malajr kemm jista’ jkun, mingħajr l-ebda tbatija.
Hekk tennet mal-mikrofonu ta’ ONE News Julia Cherniavska, Ukrena, li stabilixxiet ruħha f’pajjiżna ftit aktar minn sena ilu, u llum qed tiddedika parti minn ħinha biex titkellem ma’ kompatrijotti tagħha fl-Ukrajna permezz tas-sit Malti Kellimni.com.
Is-servizz, li joffri sostenn morali u psikoloġiku f’pajjiżna, wessa’ l-parametri tiegħu biex ikun ta’ appoġġ lil dawk li għaddejjin mill-ħruxija tal-Gwerra fl-Ukrajna, bl-għajnuna ta’ Cherniavska.
Kien l-erbgħa u għoxrin ta’ Frar tal-elfejn tnejn u għoxrin. Ir-Russja ta’ Vladimir Putin bdiet l-invażjoni tagħha fil-Lvant tal-Ukrajna f’dik li Moska sejħitilha operazzjoni militari speċjali.
Minn hemmhekk inbidlet kompletament il-ħajja ta’ eluf kbar ta’ Ukreni, inkluż b’sensiela ta’ atroċitajiet li kapaċi toffri l-gwerra. Xita ta’ bombi kuljum, missili u splużjonijiet, b’għadd kbir ta’ mejta u oħrajn hekk imsejħa “fortunati” li skansaw il-konflitt, iżda ġew sforzati jaħarbu minn djarhom biex isibu kenn.
Xeni ta’ kaos, paniku u sriebet twal ta’ karozzi lesti biex jaħarbu.
Julia Cherniavska spjegat li fost l-aktar problemi ta’ qsim il-qalb li semgħet kienu fil-belt ta’ Mariupol fl-Ukrajna, fejn diversi Ukreni qasmu magħha l-fatt li spiċċaw bla saqaf fuq rashom u mingħajr ikel u xorb.
Il-belt ta’ Mariupol rat l-aktar ġlied qawwi mindu bdiet il-gwerra u llum tinsab taħt il-kontroll tal-armata Russa.
Qalet, “It’s hard for me because it not normal what I heard about their experience. They slept in bomb shelters and after that they leave this space”.
B’kollox, ħamest elef Ukren sabu faraġ fis-sit ta’ kellimni.com.
Quddiem dawn il-problemi ta’ qsim il-qalb, Cherniavska spjegat li sit Kellimni.com estenda s-servizz tiegħu biex jgħin, kif inhu fil-karattru naturali tal-poplu ġeneruż Malti.
Qalet, “They have support, they can speak with me and they can tell everything. I can listen to anything they want to talk about and if I can help, I will do everything to help them”.