Stefan Kostiuk qed ikun akkużat li fl-10 ta’ Novembru għall-ħabta tat-8:15 ta’ filgħodu huwa seraq basket li fih kellu żewġ mobiles u ammont ta’ flus kontanti.
L-Ispettur Ryan M. Vella li qed imexxi l-Prosekuzzjoni spjega kif filmati mill-kameras tas-sigurtà juru lill-akkużat dieħel fis-sit tal-kostruzzjoni liebes l-istess ħwejjeġ li bihom kien liebes fl-awla. Stqarr kif fit-3:15 ta’ waranofsinhar daħlitilhom informazzjoni li l-akkużat kien intlemaħ u ntgħaraf mill-ħwejjeġ.
Id-Difiża ma kkontestatx l-arrest, filwaqt li l-akkużat wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.
L-Avukat tal-għajnuna legali, Joseph Brincat spjega kif fl-istatement l-akkużat ammetta għas-serq tal-basket iżda mhux tal-affarijiet ta’ ġo fih. Spjega kif ġol basket kulma sab kien lapes u huma n-nies li qed jgħidu li fih kien hemm dawn l-oġġetti li qed ikun akkużat bis-serq tagħhom. Għalhekk talab għall-ħelsien mill-arrest.
Il-Prosekuzzjoni ma qablitx ma din it-talba minħabba n-nuqqas ta’ indirizz fiss u l-biża li javviċina lil xi xhieda pajżana u b’hekk ikun hemm intralċ tal-provi.
Il-Qorti ma laqgħetx it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba li l-akkużat ma provdiex lill-Qorti b’indirizz fiss.