Waħda mill-magni tar-radjoterapija fl-Isptar tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo, li l-ġimgħa l-oħra sofriet ħsarat tekniċi, se terġa’ tibda titħaddem mil-lum.
Fil-fatt, uħud mill-pazjenti morda bil-kanċer se jerġgħu jibdew jieħdu dan is-servizz mil-lum.
Dan wara li l-ġimgħa li għaddiet, madwar wieħed u għoxrin pazjent, li għandhom bżonn urġenti tar-radjoterapija, marru Ruma biex jieħdu dan it-trattament.
Il-Gvern kopra l-ispejjeż relatati mal-akkomodazzjoni u l-ivvjaġġar tal-pazjenti kif ukoll ta’ persuna li setgħet takkumpanja lil kull pazjent.
Dawn il-pazjenti kellhom jieħdu t-trattament f’Ruma wara li s-servizz tar-radjoterapija fl-Isptar Mater Dei ġie sospiż b’mod temporanju minħabba ħsarat tekniċi fil-linear accelerators tal-Isptar tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo, li żviluppaw fl-aħħar jiem.
Bosta professjonisti tekniċi, wettqu ħidma biex isewwu l-magni mill-iktar fis possibli.